'Is-soċjetà u l-ġenituri jeħtieġ irawmu fit-tfal dixxiplina u rispett lejn l-awtoritajiet'

Il-Maġistrat Joe Mifsud ma jogħmodx il-kliem meta koppja żagħżugħa ta' 20 u 17-il sena tressqu l-Qorti akkużati b'pussess ta' droga

Żewġ żgħażagħ, wieħed minnhom taħt l-età, inżammu arrestati wara li nstabu fil-pussess tad-droga.

L-Ispettur Priscilla Caruana spjegat lill-Maġistrat Joe Mifsud kif il-koppja twaqqfet waqt ronda li kienet qed tagħmel il-pulizija.

Fil-handbag tat-tfajla ta’ 20 sena mill-Belt, instab “ammont konsiderevoli” ta’ droga.

Wara tfittxija li saret fid-dar tagħha nstabet aktar droga.

It-tnejn li huma qed ikunu akkużati b’pussess aggravat tad-droga, biż-żagħżugħ ikun akkużat ukoll bit-traffikar.

Huma wieġbu mhux ħatja.

Il-Maġistrat qal li hemm bżonn isir xi ħaġa għax ma jistax ikun li tfal ikollhom 450 gramma droga fuqhom.  Saħaq li l-Qorti ma tistax issolvi l-problema waħedha u jeħtieġ li l-forzi kollha jingħaqdu u jaħdmu flimkien.

“Is-soċjetà u l-ġenituri jeħtieġ irawwmu dixxiplina u rispett lejn l-awtoritajiet fost it-tfal,” kompla l-Maġistrat.

Iż-żagħżugħ ħareġ mill-ħabs jibki waqt li l-Maġistrat saħaq li se jkun qed jinżamm fil-ħabs tal-minuri fl-Imtaħleb “għall-arja friska.”

More in Qrati u Pulizija