Il-Qorti se tiddeċiedi jekk il-familja Caruana Galizia tattendix għall-każ miftuħ mill-Fulu

Il-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia, ippreżentaw rikors jitolbu li jipparteċipaw fl-istadji kollha tal-każ Kostituzzjonali li nfetaħ mill-Fulu

Il-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia, ippreżentaw rikors jitolbu li jipparteċipaw fl-istadji kollha tal-każ Kostituzzjonali li nfetaħ minn Alfred Degiorgio, il-Fulu, wieħed mit-tliet irġiel akkużat bil-qtil tal-ġurnalista.

Degiorgio ma qabilx ma dan, bl-Avukat tiegħu, William Cuschieri, jisħaq li l-familja jimpurtaha mid-deċiżjoni tal-Qorti u mhux mill-merti tal-każ u għalhekk saħaq li ma għandhomx dritt li jkunu preżenti tul il-każ kollu.

Il-Qorti mistennija tiddeċiedi fis-smigħ li jmiss dwar it-talba tal-familja.

L-Avukat William Cuschieri kien fetaħ żewġ kawżi Kostituzzjonali. F’applikazzjoni minnhom jisħaq li Degiorgio nkisirlu d-dritt ta’ smigħ xieraq bil-ħatra ta' Martin Bajada bħala espert tal-Qorti fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u anke minħabba l-preżenza kontinwa tiegħu fil-Qorti.

Dan il-każ beda jinstema' llum.

F'Marzu li għadda, Degiorgio kien diġà tefa' dubju fuq il-kredibilità ta’ Bajada minħabba li kien instab ħati, minn Qorti Ingliża, lura fl-1993, meta kien qed jaħdem għall-Air Malta. Minkejja dan, Bajada kemm-il darba jinħatar bħala espert tal-Qorti.

Din id-darba, l-Avukat saħaq li “l-passat kriminali” tal-espert jikser id-dritt tal-akkużat li jkollu smigħ xieraq u anke jnaqqas il-fiduċja fil-proċeduri.

It-tieni Każ Kostituzzjonali, li nfetaħ il-ġimgħa li għaddiet, huwa dwar il-laptop li kienet qed tuża Daphne Caruana Galizia qabel ma nqatlek u li baqa' ma ġiex investigat.

L-Avukat kien saħaq li huwa importanti li l-pulizija tinvestiga dan il-laptop għax jista’ jinkludi fih ‘informazzjoni sensittiva,’ li tista’ titfa’ dawl fuq terzi persuni involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fis-16 ta’ Ottubru li għadda.

Fi kliemu, il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qed titħalla tiddetta hi x’evidenza tinġabar filwaqt li akkuża lill-Kummissarju tal-Pulizija li ma għamel xejn u mhu jagħmel xejn biex dan il-laptop jinġabar u jkun analizzat.

Akkuża wkoll lill-Avukat Ġenerali li ma għamel xejn biex jassigura li l-evidenza li ppreżenta hu u l-Kummissarju tal-Pulizija tkun “sħiħa u kompleta, mhux parzjali u selettiva.”

More in Qrati u Pulizija