Jinħeles mill-arrest iż-żagħżugħ li kellu 3 kilo kannabis moħbija fil-kamra tas-sodda

Iż-żagħżugħ, li għandu 25 sena u li huwa sid ta’ bar, kien tressaq il-Qorti fl-1 ta’ Mejju li għadda akkużat b’pussess aggravat ta’ droga

Ingħata l-ħelsien mill-arrest iż-żagħżugħ li ħmistax ilu ġie arrestat wara li fil-kamra tas-sodda tiegħu nstabu moħbija tliet kilogramma kannabis.

Iż-żagħżugħ, li għandu 25 sena u li huwa sid ta’ bar, kien tressaq il-Qorti fl-1 ta’ Mejju li għadda akkużat b’pussess aggravat ta’ droga u li x’aktarx ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Kien iż-żagħżugħ stess li waqt ir-rejd kien ta lill-pulizija tliet basktijiet li kienu jinkludu kilo kull wieħed reżina tal-kannabis u madwar 92 pakkett bi droga.

Il-Pulizija sabu wkoll €6,000 fi flus kontanti u 14-il biċċa reżina tal-kannabis u tip ta’ droga oħra magħrufa bħala paraphernalia.

Hekk kif illum kompla jinstema’ l-każ, l-Avukat tad-Difiża talab għall-ħelsien mill-arrest anke minħabba l-fatt li l-kondotta taż-żagħżugħ hija nadifa u anke għax ma hemm ħadd minn jixhed.

Apparti minn hekk, l-Avukat innota kif iż-żagħżugħ ikkopera mal-pulizija. 

Il-Maġistrat Neville Camilleri aċċetta din it-talba, bl-akkużat irid iħallas depożitu ta’ €7,000, garanzija personali ta’ €25,000 u jrid jiffirma kuljum fl-għassa.

More in Qrati u Pulizija