It-Tritoni jiswewh €1,000 u sentenza sospiża

Iż-żagħżugħ li lbieraħ tela' għarwien fuq il-Funtana tat-Tritoni tressaq il-Qorti wara li ġie identifikat minn filmat li dar il-midja soċjali

Żagħżugħ weħel sentenza sospiża ta’ ħabs u multa wara li lbieraħ filgħaxija, minħabba mħatra, tela’ għarwien fuq il-funtana tat-Tritoni.

Il-filmat taż-żagħżugħ dar il-midja soċjali fi ftit ħin, tant li l-Pulizija rnexxielha tidentifikah fi ftit ħin.

Iż-żagħżugħ, li għandu 24 sena u huwa baħri mill-Afrika t’Isfel, tressaq quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja akkużat li offenda l-moral pubbliku, li deher għarwien fil-pubbliku u li kiser il-paċi pubblika.

Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

L-Avukat Austin Gauci Maestre qal li l-akkużat wettaq ir-reat minħabba mħatra li kellu ma sħabu u li kien ilu Malta għal ftit sigħat biss u ma kellux idea dwar is-sinifikat ta’ din il-funtana.

Skont l-Avukat, il-baħri kien ippreparat li jibqa’ fuq il-bastiment sakemm iħalli Malta.

Iżda l-Maġistrat saħaq li s-sentenza kellha tkun viċin ħafna l-massimu permess mil-liġi għax fi kliemu dawn l-atti ma għandhomx jgħaddu qisu xejn mhu xejn, aktar u aktar meta jseħħu fuq monumenti pubbliċi.

Għalhekk, iż-żagħżugħ weħel multa ta’ €1,000 u sentenza ta’ tliet xhur ħabs sospiża għal sentejn.

Il-Qorti wissietu li jekk iwettaq reat ieħor f’dan iż-żmien, se jeħel il-ħabs.

More in Qrati u Pulizija