Qorti | Spara fuq il-klieb tal-ġar għax ħatfulu d-dundjani tal-Milied

Ir-raġel wieġeb mhux ħati u qal li l-klieb tal-ġar kemm-il darba attakkawlu t-tiġieġ u annimali oħra

Raġel wieġeb mhux ħati li spara fuq il-klieb tal-ġar tiegħu għax saħaq li l-istess klieb kienu qed jattakkawlu t-tiġieġ u d-dundjani tal-Milied.

Ir-raġel deher quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit akkużat b’moħqrija tal-annimali u anke li għamel użu ħażin mill-arma tan-nar li għaliha għandu liċenzja.

Huwa spara u weġġa’ wieħed mill-klieb.

Jidher li minħabba l-klieb tal-ġar, ir-raġel tilef sitt iqtates u sebat ifriegħ tagħhom, għadd ta’ tiġieġ u anke dundjani li kienu lesti għall-ikla tal-Milied.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel ma rrappurtax lill-pulizija biex ma jkollux inkwiet mal-ġar, bl-avukat tiegħu jisħaq li kemm-il darba tkellem mal-ġar fuq il-klieb.

Jidher li qabel dan l-inċident, is-sid tal-klieb kien weħel multa ta’ €50 għax ma rnexxilux jikkontrollahom.

Fil-Qorti l-akkużat qal li meta kien ħareġ għall-klieb, wieħed minnhom ħarab iżda  iżda l-ieħor baqa’ hemm. Biex igerxu spara viċin tiegħu, iżda ftit ċomb ħabat mal-ħajt u spiċċa fuq il-kelb.

Il-każ ikompli.

More in Qrati u Pulizija