Qorti | Seraq meta nduna li wara sitt snin reġa' waqa' għad-droga

L-akkużat ammetta li din il-ġimgħa seraq żewġ karozzi f'temp ta' tliet sigħat u ġurnata qabel ipprova jidħol f'dar

Raġel ammetta li nhar it-Tlieta li għadda pprova jidħol f’dar u li l-għada seraq żewġ karozzi.

L-akkużat, li għandu 42 sena minn San Pawl il-Baħar tressaq quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli fuq akkużi ta’ serq aggravat, b’attentat ta’ serq aggravat u li saq karozzi misruqa.

Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat seraq il-karozzi f’temp ta’ tliet sigħat.

L-Ispettur Kylie Borg saħqet li l-akkużat kien ilu sitt snin ma jiħux droga u wettaq ir-reati f’mument ta’ ġenn wara li ma setax jemmen li reġa’ waqa’.

L-Avukati tad-Difiża saħqu li min-naħa tiegħu, l-akkużat qed juri rieda li jegħleb il-vizzju mill-ġdid.

L-Ispettur qal ukoll li l-akkużat ikkopera u reġa’ rritorna l-affarijiet kollha misruqa.

Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest bl-akkużat stess jinsisti li jinżamm fid-Drug Dependency Unit u biex ikun taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probabtion.

Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx.

Il-Qorti tagħtu l-ħelsien mill-arrest u ordnatlu jħallas €6,000 u biex ma joħroġx mid-Dipartiment sakemm tingħata s-sentenza li se tingħatalu wara li jkun ippreżentat rapport mitlub mill-Qorti.

Jekk jikseb kundizzjoni, jista’ jeħel sa sentejn ħabs.

More in Qrati u Pulizija