Qorti | Jisraq mill-karozzi tal-għarus u l-fotografu tal-pre-wedding

L-akkużat ħareġ mill-ħabs tliet xhur ilu u ilu magħruf mal-Pulizija fuq akkużi ta' serq mill-1998

Raġel ta’ 43 sena mill-Belt Valletta nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li seraq numru ta’ oġġetti minn karozzi pparkjati viċin il-Forti Sant’Jiermu fil-Belt Valletta.

Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat seraq karozza ta’ koppja li kienet qed tieħu r-ritratti ta’ qabel it-tieġ u rnexxielu jidħol ukoll fil-karozza tal-fotografu.

Ir-raġel inqabad fil-fatt u f’baskett li kellu wara dahru nstab li kellu l-portafoll tal-għarus u anke l-mowbajl tal-fotografu.

Il-Pulizija niżżlet minnufih ħdejn il-forti wara li rċeviet telefonata anonima tirrapporta li kien hemm raġel qed jisraq il-karozzi.

L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih waqt li saħaq li ma jaħdimx.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-Difiża biex l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba li ilu mill-1998 magħruf mal-pulizija minħabba s-serq.

L-akkużat ħareġ mill-ħabs tliet xhur ilu. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li r-raġel ibati mill-vizzju tad-droga.

Il-Maġistrat ordnat ukoll li l-akkużat jingħata l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga u poġġietu taħt perjodu ta’ superviżjoni.

Waqt li missieru kien warajh bilqiegħda jibki, il-Maġistrat wissietu li għandu jaħdem biex jegħleb il-vizzju u li s-sentenza se tkun qed tiddependi fuq il-koperazzjoni tiegħu.

“Jiddependi miegħek,” temmet tgħidlu l-Maġistrat.

More in Qrati u Pulizija