Jerħilha fuq Facebook biex jikteb dwar il-mara u jhedded lis-sieħeb tagħha

Raġel tressaq akkużat li uża Facebook biex jhedded li se joqtol lis-sieħeb tal-eksmara tiegħu

Raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq akkużat li hedded li joqtol lis-sieħeb tal-eksmara tiegħu.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel ma setax iniżżilha li l-eksmara tiegħu qed toħroġ ma’ raġel ieħor u kien akkużat li bagħatilhom diversi thedded fuq Facebook.

Jidher li l-akkużat, li għandu 38 sena, kiteb diversi posts fuq Facebook kontra l-mara tiegħu wara li fetħet proċeduri biex tieħu d-divorzju.

Il-Pulizija kellha tintervjeni fl-aħħar jiem, meta r-raġel kiteb post jhedded li joqtol lis-sieħeb tagħha.

Fil-Qorti, meta mistoqsi jekk ir-relazzjoni ma’ martu spiċċatx, ir-raġel wieġeb li għadhom miżżewġa.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. 

L-Avukat tad-Difiża, Noel Cutajar, talab għall-ħelsien mill-arrest u saħaq li r-raġel għadu “irrabbjat u mdejjaq,” minħabba s-separazzjoni u minkejja dak li kiteb, ma kellu l-ebda intenzjoni li joqtol lil ħadd.

L-Ispettur Matthew Spagnol, f’isem il-prosekuzzjoni, informa lill-Qorti li meta saret tfittxija fid-dar tal-akkużat ma nstabu l-ebda armi. 

Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €800, u garanzija personali ta’ €5,000.

L-akkużat se jkollu jiffirma fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u anke jsegwi ħinijiet imposti fuqu biex joħroġ mid-dar.

More in Qrati u Pulizija