Qorti | Joħroġ pakkett miż-żarbun u jgħaddih lil turista f'Paceville

agħżugħ intbagħat sena ħabs wara li nstab ħati li f’Settembru tas-sena li għaddiet kien qiegħed ibigħ il-kannabis f’Paceville

Żagħżugħ intbagħat sena ħabs wara li nstab ħati li f’Settembru tas-sena li għaddiet kien qiegħed ibigħ il-kannabis f’Paceville.

Ahmed Al Allagi ta’ 27 sena, Libjan residenti l-Imsida kien deher joħroġ pakkett kannabis miż-żarbun u jagħtih lil turista Taljana.

Allagi kien akkużat bi traffikar tal-kannabis f’post frekwentat miż-żgħażagħ u li sar reċidiv. Dan wara li kien diġà kien qed jiskonta sentenza sospiża dwar iffalsifikar ta’ dokumenti.

Uffiċjali tal-pulizija qalu li meta avviċinaw lill-akkużat rawh idaħħal xi ħaġa f’ħalqu u jiblagħha.

Skont l-uffiċjal tal-probation, waqt li kien fuq ħelsien mill-arrest, kien iċċertifikat pożittiv fuq id-droga.

Intant, l-akkużat kien ċaħad l-akkużi. Kien saħaq li xtara nofs gramma kannabis mingħand Somali u kien pejjipha ma’ xi tfajliet.

Kompla jgħid li t-tfajliet kienu offrewlu xi flus għal joint imma saħaq li kien irrifjuta.

Min-naħa tagħha, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera qalet li ma hemm l-ebda dubju li l-akkużat kien ħati għax ħafna mix-xhieda kienet ibbażata fuq persuni li raw b’għajnejhom lill-akkużat jgħaddi d-droga lill-persuna oħra.

Minkejja dan, ikkritikat il-fatt li l-prosekuzzjoni falliet milli tipprovdi biżżejjed evidenza dwar sentenza oħra li l-akkużat kien qiegħed jiskonta u għalhekk ma setgħetx issibu ħati li sar reċidiv.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat qalet kif l-ammont ta’ droga li għadda lit-tfajliet kien żgħir ħafna, mhux aktar minn 67% u li iżda kienet biss 5% pura.

Apparti s-sena ħabs huwa kien ordnat iħallas multa ta’ €200.

More in Qrati u Pulizija