Qorti | Sewwieq ordnat iħallas €45,000 lill-vittma li ma jistax juża suba'

Il-każ seħħ f’Diċembru tal-2014 meta sewwieq ħareġ ħabta u sabta minn parkeġġ u baqa’ dieħel fil-karozza tal-vittma

Sewwieq kien ordnat iħallas €45,000 f’kumpens lill-vittma ta’ inċident tat-traffiku li spiċċa ma jistax juża wieħed mis-swaba’.

Il-każ seħħ f’Diċembru tal-2014 meta sewwieq ħareġ ħabta u sabta minn parkeġġ u baqa’ dieħel fil-karozza tal-vittma li kien sejjer lura d-dar.

Il-vittma kien dawwar malajr biex jevita lill-akkużat iżda ħabat ma’ quddiem tal-vettura u spiċċa nqaleb għal fuq erba’ karozza pparkjati.

Dan kien fittex lill-akkużat għad-danni għax fi kliemu l-inċident kien tort tiegħu, meta qabad u ħareġ mingħajr ma ħares lejn min kien ġej.

Min-naħa tiegħu l-akkużat ċaħad li l-inċident kien tort tiegħu u saħaq li l-vittma kien qed isuq b’veloċità eċċessiva.

L-Imħallef min-naħa tiegħu bbaża d-deċiżjoni fuq evidenza oħra, fosthom rapporti tal-pulizija li fost oħrajn juru nuqqas ta’ marki tal-brejkijiet.

Innota wkoll li l-akkużat l-ewwel qal li kien ħares mill-mera biex jara jekk kienx ġej xi ħadd u aktar tard qal li nduna bil-karozza ftit wara li ħareġ.

Il-Maġistrat saħaq li din hija l-iskuża li ħafna drabi tintuża minn min ma  jħarisx sewwa biex jassigura li jista’ joħroġ minn parkeġġ.

Il-passiġġiera li kienu mal-akkużat ukoll qalu li ma raw xejn qabel il-ħabta.

Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-akkużat ma użax l-indicator meta ġie biex joħroġ

Kien stabbilit li l-vittma sofra minn diżabilità permanenti ta’ 10%.

More in Qrati u Pulizija