Qorti | Daħlet id-droga fil-ħabs billi ħbietha ġo condom fil-parti tagħha

Il-każ seħħ fis-6 ta’ Ġunju tal-2010 meta t-tfajla marret iżżur lill-għarus tagħha, Maximilian Ciantar, fid-diviżjoni tal-priġunieri żgħar

Żagħżugħa ngħatat sentenza ta’ tmien xhur ħabs wara li nstabet ħatja li daħħlet id-droga fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin billi ħbietha fil-parti tagħha.

Fil-Qorti nstema’ kif iż-żagħżugħa daħħlet id-droga erojina f’condom u poġġietha fil-parti tagħha.

Il-każ seħħ fis-6 ta’ Ġunju tal-2010 meta t-tfajla marret iżżur lill-għarus tagħha, Maximilian Ciantar, fid-diviżjoni tal-priġunieri żgħar.

Espert tal-Qorti sab li fil-condom kien hemm 0.16 gramma erojina u li kienet 15% pura.

Skont it-tfajla, kien Ciantar li ġiegħlha ddaħħal id-droga. Kien taha numbru tal-mowbajl u talabha tixtri b’€30 droga.

Iż-żagħżugħa qalet li Ciantar kien attakkaha diversi drabi imma qatt ma marret l-isptar biex tikkura l-ġrieħi. Missierha qal li ġieli nnota tbenġil fuq bintu imma qatt ma qaltlu li kienet qed tiġi msawta.

Iżda qraba oħra tagħha qalu li Ciantar kien jittrataha ħażin u anke ġieli hedded lil missierha.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras innutat li ż-żagħżugħa kellha kondotta nadifa, li għenet lill-pulizija fl-investigazzjoni, li kellha fuq ammont żgħir ta’ droga u li minn dak iż-żmien waqqfet tieħu d-droga.

Minkejja dan saħqet li r-reat huwa wieħed serju anke għax id-droga ddaħħlet f’post ta’ rijabilitazzjoni.

Apparti l-ħabs hija ngħatat multa ta’ €900.

Aqra wkoll:

‘Id-droga ma tgħaddix minn ġol-ħajt... xi ħadd li joħroġ u jerġa’ jidħol’

More in Qrati u Pulizija