Qorti | 'Nippreferi 50 sena ħabs milli l-maħfra tal-missjunarju'

Kompla jinstema' l-każ kontra benefattur li akkuża missjunarju Għawdxi li uża ħażin fondi tal-missjoni

Benefattur tal-missjoni fil-Gwatemala qal lill-Qorti li jippreferi jmur 50 sena ħabs milli jaċċetta l-maħfra ta' Dun Anton Grech, saċerdot Għawdxi missjunarju fil-Gwatemala.

Ir-raġel qed ikun akkużat li għamel rapport falz fuq Dun Anton Grech meta akkużah b’miżaproprijazzjoni ta’ fondi tal-missjoni.

L-akkużat qed jinsisti li l-ftehim kien li jagħti lil Dun Anton €65,000 biex jibni 55 dar f’villaġġ fil-Gwatemala. Iżda skont Duca, il-missjunarji bnew 18-il dar, għalkemm l-Avukat ta’ Dun Anton  insistiet li nbnew 23 u huwa normali li proġett bħal dan ikun mrażżan minħabba l-ispejjeż.

Minkejja dan, ir-raġel qed jibqa’ jinsisti li mhux sodisfatt, lanqas meta ngħata din l-ispjegazzjoni.

F’seduti oħra, Dun Grech qal lill-Qorti li hu mhux l-ewwel darba li ġibed l-attenzjoni tal-akkużat minħabba mġieba mhux xierqa u anke minħabba l-vizzju tal-alkoħol. Is-saċerdot insista li lest jaħfer lill-akkużat jekk iwaqqa’ l-akkużi.

Iżda l-akkużat qed jibqa’ jinsisti li jippreferi jmur il-ħabs.

Intant, il-Maġistrat Joe Mifsud wissa lill-akkużat biex ma joqgħodx jistenna li l-Qorti se tkun ħanina miegħu jekk jinstab li għamel rapport falz u tappan ir-reputazzjoni tal-missjunarju.

Il-Qorti qalet li skont il-provi, huwa ċar li l-allegazzjonijiet ta’ frodi huma foloz.

Meta l-Avukat tal-missjunarju staqsiet lill-akkużat jekk jemminx li l-fondi marru għall-karità, il-benefattur wieġeb “iva” iżda insista li ma marrux għal dak ippjanat.

“Qatt ma għidt li ħa l-flus għalih innifsu," - L-akkużat

Il-Maġistrat Mifsud ukoll insista li huwa normali li proġetti ta’ kostruzzjoni jkunu mrażżna minħabba li l-ispejjeż jibdew jogħlew.

“Tixtri flat u taħseb li se jiswik €100,000, imbagħad il-prezzijiet tal-konkrit u tal-fuel jogħlew u l-proġett jiċkien...ma jfissirx li l-flus ma jkunux intużaw,” saħaq il-Maġistrat.

“Qatt ma għidt li ħa l-flus għalih innifsu, ma għandi l-ebda dubji li l-flus użahom għall-proġetti,” saħaq l-akkużat.

Hawnhekk l-avukat tal-akkużat insista li l-benefattur qed jilmenta għax id-djar kellhom ikunu msemmija għall-benefatturi Maltin, imma li issa li hemm inqas djar, dan mhux se jkun possibbli.

L-akkużat insista wkoll li l-missjunarju kien imħasseb dwar il-proġett mill-bidu nett, anke minħabba r-responsabbilità kbira li kien iġorr. “Waqqaf kumitat mingħajr kaxxier,” insista l-akkużat.

L-Isqof Mario Grech ukoll kien xehed f’dan il-każ u qal li d-Djoċesi ta’ Għawdex investigat il-każ u ma sabet l-ebda bażi biex tieħu passi kontra s-saċerdot. “L-allegazzjonijiet huma foloz.”

"Hawn mhux qiegħed fil-Pjazza ta' Ħal Għaxaq" - Il-Maġistrat

Tul is-seduta, il-Qorti kemm-il darba wissiet lill-akkużat minħabba l-imġieba tiegħu fl-awla tant li l-Maġistrat, f’ħin minnhom, għajjat: “Hawn mhux qiegħed fil-Pjazza ta’ Ħal Għaxaq."

L-akkużat xorta ma żammx lura, tant li l-Maġistrat sab lir-raġel ħati li wera nuqqas ta’ rispett lejn il-Qorti, akkuża li ma jistax jappella.

Il-każ ikompli.

More in Qrati u Pulizija