Qorti | Sentejn ħabs għal raġel li seraq dettalji personali minn ATMs

  • Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat kif grupp ta’ kriminali kienu qed jagħmlu użu minn apparat magħuf bħala skimmers 
  • Is-sena li għaddiet tressqu l-Qorti 17-il persuna

Raġel ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs wara li nstab ħati li kien installa apparat li permezz tiegħu kien jisraq informazzjoni mill-ATMs.

Stoyan Gerginov Oryashkov, li għandu 32 sena kien arrestat wara li deher fuq filmati tas-sigurtà jinstalla l-apparat ma’ tliet ATMs f’Paceville.

Ir-raġel wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, jiġifieri li kien fil-pussess ta’ apparat għall-frodi, li uża ħażin kompjuter, li seraq informazzjoni personali, li kien fil-pussess ta’ apparat biex jaċċessa informazzjoni personali u anke bi frodi.

L-iskimmers jitwaħħlu mal-post fejn tiddaħħal il-karta tal-kreditu fl-ATM u f’bosta tkun perfettament simili għall-apertura fejn tidħol il-karta, li tagħmilha ferm diffiċli biex persuna tinduna mal-ewwel.

Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat kif grupp ta’ kriminali kienu qed jagħmlu użu minn apparat magħuf bħala skimmers biex jisirqu d-dettalji tal-karti tal-kreditu tan-nies, meta jagħmlu użu tal-ATMs biex jiġbdu l-flus mill-bank.

Persuna li spiċċat vittma ta’ frodi kienet tkellmet mal-ILLUM u spjegat kif marret tagħmel rapport l-għassa tal-Belt wara li indunat li kienu ttieħdulha €500 mingħajr ma kienet taf.

F’intervista mal-ILLUM, l-Ispettur Matthew Vella mit-taqsima tal-Economic Crimes dwar is-serq mill-ATMs, kien qal li f’sena waħda biss kienu tressqu l-Qorti 17-il persuna wara 270 rapport.

More in Qrati u Pulizija