Qorti | Jakkuża pulizija b'razziżmu u jagħtih daqqa ta' sieq

Ir-raġel ingħata sentenza sospiża wara li ta daqqa' sieq lill-pulizija għax ħassu offiż meta talbuh id-dokumenti 

Ritratt mill-arkivji
Ritratt mill-arkivji

Raġel ta daqqa ta’ sieq lil uffiċjal tal-pulizija wara li ħassu offiż meta twaqqaf fit-terminal tal-katamaran u talbu għad-dokumenti.

Fil-Qorti, ir-raġel qal li ħass li l-uffiċjali kienu razzisti meta waqqfuh u talbuh id-dokumenti.

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wissietu li din id-darba se tagħtih sentenza sospiża iżda mhux se tkun ħanina jekk jerġa’ jkun arrestat.

Il-każ seħħ nhar is-Sibt li għadda għall-ħabta tal-10:30pm.

Ir-raġel, mill-Mali, kien akkużat li weġġa’ ħafif uffiċjal tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijietu, li ma obdiex l-ordnijiet tiegħu u li kiser il-paċi pubblika.

Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

“Għandek bżonn tikkalma,” qaltlu l-Maġistrat ftit qabel ma tagħtu sentenza ta’ 12-il xahar ħabs sospiżi għal 3 snin.

Ordnatlu jħallas ukoll €4,500 fi spejjeż tal-Qorti u ordnatlu biex ma jersaqx lejn il-vittma. Jekk jagħmel hekk ikollu jħallas multa ta’ €1,500.

More in Qrati u Pulizija