Qorti | Daħlilha karta taċ-ċikkulata fil-parti tagħha biex 'jagħtiha lezzjoni'

Fil-ħin li seħħ dan il-każ it-tifel tal-koppja kien preżenti d-dar.

Raġel tressaq il-Qorti akkużat li kkaġuna feriti gravi fuq il-mara tiegħu meta attakkaha sesswalment b’karta ta’ ċikkulata.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel ried jagħti lezzjoni lill-mara tiegħu li kellha l-problema tal-alkoħol.

L-Avukat tad-Difiża, Michael Tanti Dougall, spjega li l-mara stiednet lir-raġel biex ikollu x’jaqsam magħha waqt li kienet fis-sakra u pprovat tneħħi r-riħa tal-alkoħol biċ-ċikkulata.

“Ma jistax ikollok problema, tkun tixrob u tipprova tneħħi r-riħa,” qal l-Avukat waqt li ammetta li l-każ huwa wieħed ikkumplikat.

Kienu l-Ispetturi John Spiteri u Kylie Borg li ressqu quddiem il-Qorti lir-raġel ta’ 55 sena mis-Siġġiewi u akkużawh li weġġa’ gravi lill-mara tiegħu, attakkaha sesswalment, kkawżalha biża’, insulentaha u heddidha.

L-Ispettur Spiteri spjega kif wara argument fuq il-fatt li l-mara ma nadfitx id-dar wara li xtrat żewġ fliexken vodka, ir-raġel attakka lill-mara u daħlilha karta taċ-ċikkulata fil-parti tagħha.

Fil-ħin tal-attakk, it-tifel tal-koppja kien preżenti fid-dar.

Ir-raġel, li kien imexxi grupp ta’ lukandi fis-Sudan, wieġeb mhux ħati.

Il-prosekuzzjoni qablet mad-difiża li l-każ kien wieħed sfortunat għaż-żewġ partijiet waqt li saħqu li l-mara wkoll ammettiet li kellha l-problema tal-alkoħol.

L-Ispettur Spiteri ma qabilx mad-Difiża biex l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ li jista’ jbagħbas evidenza hekk kif it-tifel jista’ jagħżel li jixhed kontra l-missier.

Huwa ddeskriva l-każ bħala “inuman u inaċettabbli.”

Id-Difiża saħqet li t-tifel tal-koppja kien f’parti differenti tad-dar u insistiet li għall-kuntrarju ta’ dak insinwat mill-prosekuzzjoni, ir-raġel fl-ebda ħin ma pprova jistupra lill-mara.

Il-Qorti ordnat li r-raġel jinżamm arrestat u talbet lill-midja biex ma xxandarx l-ismijiet tal-partijiet involuti.

More in Qrati u Pulizija