Jista' jibda l-ġuri kontra Erin Tanti akkużat bil-qtil ta' Lisa Maria Zahra

Tanti huwa akkużat b’umiċidju u li assista lil Lisa Maria Zahra, ta’ 15-il sena, biex twettaq suwiċidju

Il-Qorti tal-Appell Kriminali waqqgħet appelli li tressqu mit-tim legali ta’ Erin Tanti kontra l-akkużi mressaq kontrih, biex issa se jkun jista’ jgħaddi ġuri.

Tanti huwa akkużat b’umiċidju u li assista lil Lisa Maria Zahra, ta’ 15-il sena, biex twettaq suwiċidju, wara li t-tnejn li huma kienu nstabu taħt l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli fis-19 ta’ Marzu tal-2014.

Huwa qed ikun akkużat ukoll li abbuża minnha meta kienet għadha taħt l-età u fl-istess żmien li hu kien wieħed mill-għalliema tagħha.

Dakinhar tat-traġedja, Tanti u Zahra kienu marru l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli wara li Zahra kienet ħarbet mid-dar tal-familja tagħha, fejn it-tnejn li huma kienu qattgħu l-lejl.

Skont dak li ħareġ mix-xhieda sa issa, kien f’dak il-lejl stess li t-tnejn li huma qabblu li joqtlu lilhom infushom.

Tanti kien fetaħ libell wara li l-Qorti ma kinitx aċċettat l-oġġezzjoni tiegħu għall-akkużi mressqa kontrih, b’Tanti jinsisti li l-akkużi ma kinux eżatti u anke “drammatiċi.”

Huwa kien talab li titneħħa kull referenza għall-alkoħol u anke kien saħaq li l-Avukat Ġeneral ma jistax jakkużah b’omiċidju u fl-istess ħin jakkużah ukoll li assista persuna biex twettaq suwiċidju.

Tanti talab ukoll li taqa’ l-akkuża li takkużah li kellu fil-pussess tiegħu ritratti indiċidenti ta’ Zahri għax dawn ir-ritratti nstabu biss fil-mowbajl ta’ Zahra.

F’Lulju tal-2017, l-Imħallef Antonio Mizzi kien aċċetta t-talba tad-Difiża biex titneħħa kull referenza għall-konsum tal-alkoħol iżda kien żamm mal-akkużi l-oħra.

Din id-deċiżjoni kienet approvata llum mill-Qorti tal-Appell Kriminali, immexxija mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Imħallef Joseph Zammit Mackeon u l-Imħallef Edwina Grima.

More in Qrati u Pulizija