Qorti | Serratura u invell idaħħlu żagħżugħ f'baħar ta' inkwiet

Il-każ seħħ f'Awwissu tal-2011 wara argument bejn żagħżugħ u iben sidt il-kera

Żagħżugħ ingħata sentenza sospiża ta’ ħabs wara li nstab ħati li weġġa’ iben sidt il-kera wara argument fuq is-serratura tal-bieb.

Il-każ seħħ lura fl-2011, meta Joseph Borg mis-Siġġiewi kien intalab minn sidt il-kera biex jitlaq mill-appartament wara li kellu ħafna pagamenti x’jagħtiha b’lura.

Huwa kien battal ħafna mill-affarijiet tiegħu fl-appartament u ħadhom xi mkien ieħor iżda meta fil-5 ta’ Awwissu mar lura biex jiġbor il-qattus u xi affarijiet oħra, induna li s-serratura kienet inbiddlet.

Kien hawn li beda argument bejn Borg, it-tliet persuni li marru miegħu u iben sidt il-kera.

Jidher li iben sidt il-kera kien qallu li se jħalluh jieħu dak li kien fadal fl-appartmanent meta jħallas dak li għandu jagħti.

Għall-ħabta tal-10:00pm, Borg mar lura l-appartament u kien hawn li ta daqqa lil iben sidt il-kera b’invell, tant li kkawżalu ferita fonda u kellu jiddaħħal l-isptar.

Borg kien ċaħad l-akkuża ta’ attentat umiċidju u anke li kkawżalu feriti gravi, kiser il-paċi pubblika, wettaq ħsara fuq propjetà ta’ ħaddieħor u li anke kien fil-pussess ta’ gass tad-dmugħ.

L-akkuża ta’ attentat ta’ umiċidju twaqqgħet mill-ewwel.

Il-Qorti tal-Maġistrati, immexxi mill-Maġistrat Josette Demicoli osservat li ommi il-vittma ħadet il-liġi b’idejha meta ddeċidiet li tbiddel is-serratura tal-bieb.

Kameras tas-sigurtà wrew ukoll li kien il-vittma li ta l-ewwel daqqa, tant li l-akkużat sofra ġrieħi taħt għajnejh.

Il-Qorti kkonkludiet ukoll li l-prosekuzzjoni falliet milli tipprova l-akkuża li kkawża feriti gravi fuq il-vittma.

Kien għalhekk li l-Qorti sabitu ħati li kkawża feriti ħfief fuq il-vittma u għalhekk tatu sentenza ta’ 3 xhur ħabs sospiżi għal sentejn, fost kundizzjonijiet oħra.

More in Qrati u Pulizija