Jirtriegħed malli l-Pulizija sabu d-droga moħbija fis-suffett ta' lukanda

Il-Pulizija sabet 88 pillola kokaina moħbija f’suffett ta’ kamra f’lukanda f’Tas-Sliema

Fil-Qorti ntqal kif il-Pulizija sabet 88 pillola kokaina moħbija f’suffett ta’ kamra f’lukanda f’Tas-Sliema hekk kif kienet qed tisma’ l-kumpilazzjoni kontra Franċiż akkużat bi traffikar tad-droga.

Ir-raġel li għandu 33 sena kien arrestat kmieni din il-ġimgħa u tressaq akkużat bi traffikar ta’ 1.2 kilogramma kokaina.

Qed ikun allegat li ħeba d-droga fis-suffett tal-kamra tal-banju fil-lukanda fejn kien qed joqgħod.

Il-Pulizija għamlu s-sejba wara li rċevew informazzjoni minn persuna oħra. Fuq ir-raġel instabu wkoll €125.

Ir-raġel qal lill-Pulizija li huwa ma kienx jaf bid-droga u kien Malta fuq btala żgħira wara li kellu problemi familjari fi Franza. Qal li f’Malta ma kellu kuntatt ma ħadd u li din kienet it-tielet darba li ġie Malta.

Fil-Qorti nstema’ wkoll kif ir-raġel irrifjuta li jgħaddi l-mowbajl lill-pulizija. Irrifjuta wkoll li jagħti passwords u anke l-marki tas-swaba.

L-Avukat Franco Debono staqsa lill-Ispettur jekk id-droga kinitx evidenti li tinsab moħbija fis-suffett. L-Ispettur qal li parti mis-suffett ma kinitx f’postha, waqt li kkonferma li r-raġel kien ilu jumejn fil-kamra.

Ikkonferma wkoll li fil-kamra ma nstabet l-ebda traċċa oħra tad-droga u li l-kamra ma kinitx spezzjonata qabel wasal ir-raġel għax il-Pulizija ma kellha l-ebda indikazzjoni qabel li fiha hemm id-droga.

Wieħed mill-uffiċjali tal-Pulizija rrakkonta kif saqajn u idejn l-akkużat biex jirtgħodu malli l-Pulizija sabu d-droga.

Il-każ ikompli t-Tlieta.

More in Qrati u Pulizija