Fliexken u ġebel itiru waqt ġlieda f'Wied il-Għajn

Il-ġlieda seħħet ilbieraħ għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu

Fliexken u ġebel taru waqt ġlieda li seħħet ilbieraħ għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu f’Wied il-Għajn.

Żagħżugħ li kien involut tressaq il-Qorti dalgħodu akkużat fost affarijiet oħra li wettaq ħsara fuq vettura u li weġġa’ raġel ieħor.

L-Ispettur Josric Mifsud akkuża wkoll liż-żagħżugħ ta’ 18-il sena,  residenti ż-Żejtun u mis-Sirja, li kiser il-paċi pubblika, tkellem ħażin fil-pubbliku u li kien fis-sakra f’post pubbliku.

L-Ispettur talab li l-vittma u l-familja tiegħu jingħataw il-protezzjoni.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, għax skontha, apparti ziju li jaħdem miegħu, ir-raġel ma għandu l-ebda rabta ma’ Malta.

Iżda l-avukat tiegħu insistiet li hu għandu diversi qraba f’Malta, ilu jgħix f’Malta tliet snin u li ngħata status ta’ refuġjat.

Kien għalhekk li talbet lill-Qorti biex teħilsu mill-arrest, waqt li saħqet li r-reat li wettaq kien minimu, għadu żgħir u qatt qabel ma kellu problemi mal-ġustizzja.

Il-Qorti ordnat li jingħata l-ħelsien mill-arrest filwaqt li ordnat ukoll li jitpoġġa taħt superviżjoni temporanja.

Huwa ma jistax jitkellem max-xhieda u jrid jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa filwaqt li ma jistax joħroġ fil-ħinijiet kollha.

Intalab ukoll iħallas depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000.

More in Qrati u Pulizija