L-eks Imħallef Philip Sciberras b'libell kontra t-Times of Malta

Dan wara żewġ artikli li fihom irrappurtat li rċieva l-pensjoni ta’ Membru Parlamentari minkejja li t-Teżor kien oġġezzjona.

L-eks Imħallef Philip Sciberras fetaħ libell kontra t-Times of Malta wara li ppubblikat żewġ artikli u li fihom kien irrappurtat li rċieva l-pensjoni ta’ Membru Parlamentari minkejja li t-Teżor kien oġġezzjona.

Skont l-artikli, it-Teżor kien oġġezzjona li Sciberras jingħata din il-pensjoni minħabba l-fatt li ma servix it-terminu stabbilit fil-Parlament.

Fit-18 ta’ Marzu, is-Sunday Times of Malta kienet irrappurtat kif wara l-elezzjoni tal-2013, meta kien elett Gvern Laburista, l-eks Imħallef Sciberras kien applika biex jingħata pensjoni ta’ Membru Parlamentari.

Skont il-liġi, Membru Parlamentari jrid ikun serva għal żewġ leġislaturi jew 65 xahar biex ikun eleġibbli għall-pensjoni ta' Membru Parlamentari.

Sciberras kien ġie elett għall-ewwel darba f’nofs il-leġislatura tal-1976 wara r-riżenja tal-Ministru Guże’ Abela. Kien elett mill-ġdid fl-1981 iżda tilef is-siġġu fl-elezzjoni tal-1987.

L-eks imħallef, permezz tal-avukat Andrew Sciberras, li jiġi ibnu, kien ċaħad l-allegazzjonijiet, anke li kien hemm pressjoni mill-Gvern biex ingħata l-pensjoni. Huwa kien saħaq li l-artikli huma mimlija ineżatezzi, allegazzjonijiet libellużi li jtappnu l-unur, ir-reputazzjoni u l-integrità professjonali tiegħu.

Sciberras ċaħad ukoll li xi darba kiteb jew għamel pressjoni lit-Teżor jew lil xi uffiċjali tal-Gvern bil-għan li jingħata pensjoni ta’ Membru Parlamentari. Ċaħad ukoll li stenna sal-elezzjoni tal-2013 biex japplika għall-pensjoni.

Saħaq li huwa sar jaf li jista’ jkun eleġibbli għall-pensjoni fl-2013, meta qallu biha “l-ħabib u l-kollega,” il-Maġistrat Joseph Cassar, eks Membru Parlamentari Nazzjonalista.

Kompla jgħid li tkellem mal-Assoċjazzjoni tal-eks Membri Parlamentari dwar din il-kwistjoni u minn hemm bdew id-diskussjonijiet mat-Teżor u l-Ispeaker tal-Kamra.

“Fil-fatt, il-klijent tiegħi qatt ma applika personalment għall-pensjoni,” saħaq l-Avukat waqt li l-fakkar li l-perjodu ta’ tranżizzjoni minn leġislatura għall-oħra, jekk il-Membru Parlamentari jerġa jkun elett, ukoll jgħodd.

Min-naħa tagħha, it-Times of Malta żammet mal-artikli tagħha filwaqt li ċaħdet li qalet li Sciberras għamel pressjoni fuq xi ħadd. Qalet ukoll li minkejja li l-avukat saħaq li Philip Sciberras ma applikax personalment għall-pensjoni, l-Assoċjazzjoni tal-eks Membri Parlamentari ressqet din it-talba f’ismu.

Fl-applikazzjoni għal-libell, Sciberras talab li Ivan Camilleri, Mark Wood u Herman Grech, bħala ġurnalisti u edituri tal-ġurnal, jidhru fil-Qorti biex iwieġbu għal dak li qed jisħaq hu u anke jħallsu l-massimu tad-danni skont l-Att dwar il-Midja.

More in Qrati u Pulizija