Caruana Galizia jirbħu 5 libelli kontra l-gazzetta tal-PL u Aaron Farrugia

F'artiklu kien allegat li Caruana Galizia u l-avukat Andrew Borg Cardona kienu bbenefikaw minn kuntratti tal-Gvern

Peter Caruana Galizia u l-Avukat Andrew Borg Cardona rebħu ħames libelli, kontra l-gazzetta tal-Partit Laburista ‘KullĦadd’ u anke kontra s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali, Aaron Farrugia.

Huma kienu fetħu ħames libelli wara artiklu ppubblikat f’Awwissu tal-2014 li fih kien allegat li t-tnejn huma shareholders f’kumpanija li rebħu aktar minn €2.5 miljun f’kuntratti tal-Gvern u li rċevew madwar €80,000.

Il-libelli kienu nfetħu kontra Toni Abela, dak iż-żmien editur tal-gazzetta u kontra Aaron Farrugia.

Minflok Abela, li issa huwa Imħallef, Aleander Balzan li kien laħaq editur, kien refa’ r-responsabbilità tal-każ.

Kemm Balzan u anke Farrugia ġew ordnati jħallsu €3,000 kull wieħed.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale saħaq li l-awtur tal-artiklu, li ħadd ma jaf min hu, kien ta l-impressjoni li Caruana Galizia u Borg Cardona kienu bbenefikaw minn kuntratti tal-Gvern.

Minkejja dan, ma kienx spjegat li ż-żewġ persuni kellhom 25% tal-ishma fil-kumpanija BCGL Services Limited u li l-ishma kienu qed jinżammu f’isem persuni oħra.

Il-Maġistrat saħaq li l-awtur ried jagħti l-impressjoni li Caruana Galizia u Bord Cardona bbenefikaw personalment mill-flus, imma ma kinitx ppreżentata evidenza fil-Qorti.

Mill-banda l-oħra, iż-żewġ avukati pprovdew biżżejjed evidenza biex il-Qorti kkonkludiet li kull ma ntqal fuq Caruana Galizia u Borg Cardona ma kienx minnu.

Il-Maġistrat saħaq li fi żmien fejn il-midja soċjali qed tintuża bħala għodda ta’ miżinformazzjoni  u t-tixrid tal-biża', il-ġurnaliżmu serju u investigattiv isir ħafna aktar importanti. Il-ġurnalisiti għandhom jassiguraw li l-verità tasal għand il-qarrej li għandu jħossu ċert li l-informazzjoni mogħtija hija sinċiera u onesta, kompla l-Maġistrat.

Intant, f’każ relatat, Daphne Caruana Galizia kienet fetħet libell kontra Aaron Farrugia wara li għamel l-istess allegazzjonijiet fuq Twitter u anke fuq Facebook.

Filwaqt li Farrugia qal li kull ma għamel kien li rriproduċa dak li kien hemm fl-artiklu, l-Qorti ma laqgħetx din id-difiża.

Il-Maġistrat ikkritika wkoll dak li qal Aaron Farrugia meta pprova jiġġustifika l-posts tiegħu fuq il-midja soċjali billi qal li Caruana Galizia kienet attakkatu fil-passat.

Saħaq li kull politiku, aktar u aktar Membru Parlamentari għandu jkun eżempju għall-pubbliku u għandu juża l-midja soċjali biex ixerred informazzjoni korretta u mhux biex iżid l-mibiegħda u l-polarizzazzjoni.

More in Qrati u Pulizija