Sentenza effettiva ta' ħabs għal missier u iben magħrufa mal-Pulizija

Missier u iben nstabu ħatja li ppruvaw jisirqu diversi affarijiet minn ġo fabbrika

Missier u iben ingħataw sentenza ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li ppruvaw jisirqu diversi affarijiet minn ġo fabbrika f’Novembru li għadda.

Keith Joseph Mallia ta’ 46 sena u ibnu Mario ta’ 19-il sena wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Huma nqabdu fil-fatt mill-Pulizija meta kienu qed jisirqu makkinarju minn ġol-fabbrika wara li kienu rċevew informazzjoni anonima.

It-tnejn li huma xelfu difrejhom mal-ġustizzja ddiversi drabi u din id-darba tressqu l-Qorti akkużati b’serq, li daħlu f’fabbrika bla permes u li kkawżaw ħsara fuq il-makkinarju.

Il-missier kien akkużat ukoll li saq vann b’liċenzja skaduta u li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża. Ibnu kien akkużat ukoll li sar reċediv.

Wara li ra r-rekord kriminali tal-missier u anke wara li nnota li ma marx għal 24 laqgħa minn 34 mal-uffiċjali tal-probabtion, il-Maġistrat Mifsud ma qadx lura u ta kelmtejn tajba lill-missier.

“Like father, like son,” saħaq il-Maġistrat waqt li qalilhom li biex jinbiddlu hemm bżonn jgħinu lilhom infushom.

Wara li diversi sentenzi sospiżi nbiddlu f’sentenzi effettivi, Keith Mallia ngħata seba’ snin u seba’ xhur ħabs filwaqt li ibnu weħel sentejn u disa’ xhur.

Somma ta’ €19,500 kienu kkonfsikati mill-missier u €2,500 mill-iben wara li kissru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Kienet ikkonfiskata wkoll il-vettura li ntużat fis-serqa.

L-avukati infurmaw lill-Qorti li l-missier u l-iben kienu se jappellaw.

More in Qrati u Pulizija