Mhux ħatja minkejja li ammettiet li ħolqot allarm

Il-mara kienet qalet li xi ħadd ipprova jisraqilha t-tarbija meta waqfet biex tixtri minn ħanut f'Birżebbuġa

Omm ta’ 29 sena ma nstabitx ħatja li gidbet meta qalet li xi ħadd ipprova jisraqilha l-pushchair bit-tarbija b’kollox.

Il-mara, imwielda r-Rumanija u li toqgħod Birżebbuġa kienet akkużata li vvintat reat li skontha ppruvaw iwettqu terzi persuni bl-intenzjoni li jiġu arrestati.

Kienet akkużata wkoll li xerrdet aħbar falza li setgħet ikkawżat allarm pubbliku u li anke użat in-network soċjali biex tagħmel malafama fuq persuna.

Il-każ seħħ f’Novembru li għadda meta l-mara marret l-Għassa ta’ Birżebuġġa tirrapporta li xi ħadd ipprova jisraqilha t-tarbija waqt li waqqfet tixtri minn magna tas-sigaretti fil-ħanut Tony Muscat Confectionary.

Il-mara qalet li sakemm daret biex tixtri semgħet lit-tarbija tibki u daret minnufih u kien hawn li lemħet mara u raġel li ħarbu bil-pushchair ‘il barra mill-ħanut.

Skontha, raġel ieħor ġera warajhom u malli ndunaw telqu jiġru huma wkoll u ħallew it-tarbija.

Iżda l-Pulizija kienu ġabbru l-filmati tas-sigurtà mill-ħanut iżda ħadd ma deher jisraqilha t-tarbija.

Aktar tard kienet iffirmat dikjarazzjoni fejn saħqet li ħadd ma pprova jisraqilha t-tarbija u anke li ma kellha l-ebda intenzjoni li tagħmel il-ħsara. Skontha, għamlet li għamlet għax kienet għadha trawmatizzata minħabba problemi li kellha ma’ missier it-tarbiija.

Minkejja dan, il-Qorti saħqet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza skont dak mitlub mil-liġi biex il-mara setgħet tinstab ħatja u għalhekk ħelsitha mill-akkużi kollha.

More in Qrati u Pulizija