Qala' l-bieb b'daqqa ta' sieq għax ommu ħaditlu t-tablet

Iż-żagħżugħ li ma jaħdimx u ma jmurx skola qal lill-pulizija li jieħu droga sintetika

Il-Qorti wissiet żagħżugħ ta’ 16-il sena biex jieqaf jilgħab mad-droga sintetika wara li ttella’ l-Qorti akkużat li f’mument ta’ rabja, b’daqqa ta’ sieq, qala’ bieb fid-dar ta’ ommu u missieru.

L-Ispettur Roderick Spiteri akkuża liż-żagħżugħ, li volontarjament għamel ħsara fuq propjetà waqt li saħaq li ma għandux xogħol u ma jmurx skola.

Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera nnuttat li din hija t-tielet darba li ż-żagħżugħ xilef difru mal-liġi fi ftit xhur.

“Taf li llum nista’ nibagħtek il-ħabs? staqsiet il-Maġistrat liż-żagħżugħ waqt li fakkritu li qed jagħti eżempju ħażin lil ħames ħutu ż-żgħar.

Mistoqsi x’ġara, huwa qal li ommu ħaditlu t-tablet u meta qalilha li ried joħroġ minn Facebook għalqitlu l-bieb u b’daqqa ta’ sieq qalgħu minn postu.

Lill-pulizija qalilhom li jieħu droga sintetika u l-Maġistrat staqsietu minn fejn iġibha, ġaladarba ma jaħdimx. “Ma naħsibx li taqa’ mis-sema?” “Niddobba mingħand in-nies,” wieġeb l-akkużat.

L-akkużat wieġeb ħati u tpoġġa taħt tliet snin probabtion. Se jibqa’ jgħix ma’ ommu u kull tliet xhur irid jitla’ l-Qorti biex l-uffiċjal tal-probation jagħti aġġornament fuq il-progress li jkun qed jagħmel.

“Dan hu l-aħħar ċans li qed nagħtik,” saħqet il-Maġistrat. “Jekk jgħiduli li għadek tieħu d-droga u mhux tirrispetta l-ġenituri se tmur il-ħabs.”

More in Qrati u Pulizija