Tifel jinfaqa' jibki fl-awla x'ħin jisma' li se jibqa' arrestat

Id-difiża fakkret li għad ma hawnx programmi għal tfal tal-età tiegħu li jbatu mill-vizzju tad-droga

Tifel ta’ 14-il sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li seraq rota li tiswa €573.

Fil-Qorti nstema’ kif it-tifel, li jagħmel użu mid-droga, seraq rota ta’ WeThePeople nhar il-Erbgħa 28 ta’ Frar minn Triq l-Inkurunazzjoni f’Bormla.

L-akkużat, li ismu ma jistax jixxandar minħabba l-età, wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Id-Difiża talbet lill-Qorti biex ikun ippreparat rapport ta’ qabel is-sentenza qabel ma jingħata ġudizzju.

“Ma hemm l-ebda programmi kontra d-droga għall-persuni tal-età tiegħu,” saħqet l-avukat. “Id-droga qed taffettwa l-imġieba tat-tifel.”

Il-prosekuzzjoni u eventwalment il-Maġistrat, qablu mat-talba tad-Difiża.

It-tifel infaqa’ jibki fi tmiem is-seduta meta l-Qorti ddeċidiet li ma tatihx il-ħelsien mill-arrest u jinżamm arrestat sakemm ikun lest ir-rapport fi żmien ħmistax.

Huwa se jkun qed jinżamm f’taqsima apposta tal-ħabs.

Il-Qorti ordnat ukoll li l-każ ikun segwit minn tim ta’ professjonisti li għandhom jevalwaw ukoll il-progress li jkun għamel.

 

More in Qrati u Pulizija