Anzjan mhux ħati li għex mill-qligħ tal-prostituzzjoni

Dan wara li nstab li l-istabbilimenti tal-messaġġi kienu mmexxiha minn martu

Anzan ta’ 78 sena nħeles mill-akkużi li kien qed jgħix minn fuq il-prostituzzjoni li kienet qed issir fi stabbilimenti tal-messaġġi fil-Mosta u l-Ħamrun.

Minkejja li hemm biżżejjed provi li juru li kienu qed isiru attivitajiet marbuta mal-prostituzzjoni f’dawn l-istabbilimenti, fil-Qorti nstema’ kif dawn kienu qed jitmexxew mill-mara tiegħu.

L-anzjan kien ġie akkużat fl-2012 wara li l-pulizija wettqu rejd fiż-żewġt iħwienet.

Dak iż-żmien, l-anzjan kien iddikjara li l-istabbilimenti kienu tiegħu.

Minkejja dan, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li l-akkużi kellhom isiru fil-konfront ta’ martu, Aileng Ge, ġaladarba kienet hi li qed tmexxi l-istabbilimenti u anke r-responsabbli mill-impjegati. Il-ħwienet kienu wkoll f’isimha.

Fil-Qorti nstema’ li meta seħħ ir-rejd, Ge kienet carer tal-anzjan iżda dan iżżewwiġha fis-sena ta’ wara. Intqal ukoll kif l-anzjan kien f’relazzjoni intima ma’ anzjana ta’ 90 sena li kienet tagħtih biżżejjed flus biex ma kellux bżonn id-dħul minn dawn l-istabbilimenti.

L-anzjan ċaħad li kien jaf fl-attivitajiet sesswali li kienu jseħħu fl-istabbilimenti ta’ martu u qal biss li kien iwassal lill-impjegati.

L-impjegati wkoll xehdu u rreferew għal Ge bħala “l-boss.”

Tlett irġiel li kienu fl-istabbiliment waqt il-ħin tar-rejd ikkonfermaw li kienu jħallsu xi ħaġa żejda biex jieħdu sehem f’attivitajiet sesswali mal-impjegati.

Għalkemm qalet li ma hemm l-ebda dubju dwar l-attività, il-Maġistrat innutat diversi nuqqasijiet min-naħa tal-prosekuzzjoni, fosthom ma tat l-ebda informazzjoni dwar kemm kien id-dħul u kemm minnu spiċċa fil-bwiet tal-akkużat.

Il-Maġistrat saħqet li minkejja li kien isuq lill-impjegati lejn ix-xogħol u lura d-dar, din ma tistax tintuża bħala prova suffiċjenti biex ikun iddikkjarat ħati.

More in Qrati u Pulizija