Il-Qorti tordna lill-Kummissarju biex jinvestiga pulizija li nqabad jigdeb

L-Uffiċjal tal-Pulizija kien qal li weġġa' f'inċident tat-traffiku tant li sofra minn diżabilità severa

Il-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga wieħed mill-uffiċjali tal-Korp wara li allegatament gideb taħt ġurament meta qal li weġġa’ f’inċident tat-traffiku li kien involut fih.

Il-każ imur lura għall-2006 meta Alan Debono kien tressaq il-Qorti akkużat b’sewqan perikoluż u li minħabba f’hekk ikkawża ġrieħi gravi fuq l-Uffiċjal tal-Pulizija Mark Galea.

Galea kien qal li weġġa’ meta l-vettura misjuqa minn Debono kienet daħlet fil-vettura misjuqa minnu f’dawra fit-Telgħa t’Alla u Ommu fin-Naxxar.

Huwa kien insista li jsir rapport fl-Għassa tan-Naxxar u fil-Qorti kien qal li kawża tal-inċident kien sofra minn ġrieħi f’għonqu u spiċċa b’diżabilità permanenti. Kien qal ukoll li kellu ħsara ta’ €1,060 fil-karozza.

Iżda l-verżjoni tal-akkużat kienet differenti għal kollox. Debono kien qal li lanqas biss ħabat mal-vettura għax kien irnexxielu jżomm il-brejk fil-ħin meta l-istess Galea tilef il-kontroll tal-vettura. Qal ukoll li saħansitra stennih idur u jkompli jsuq iżda minflok, Galea kien ħareġ jgħajjat u jgħidlu li daħal fih.

Skont Debono, kien qallu biex iċempel għall-pulizijia u l-gwardjani lokali iżda Galea kien insista li hu stess pulizija u li kellu jobdih. Kien saħansitra ordna lil Debono biex imur fl-Għassa u jirrapporta.

Iżda Alan Debono saħaq li r-rapport, hekk kif ippreżentat fil-Qorti, ma kien jirrifletti xejn il-verżjoni li kien ta lill-Pulizija. Hu kien qalilhom li rnexxielu jieqaf fil-ħin u ma ħabatx iżda r-rapport kien jgħid li ma rnexxilux jevita l-vettura u spiċċa biex ħabat magħha.

Surveyor ma kien sab l-ebda ħsara fuq l-ebda vettura.

Il-Maġistrat ma qagħditx togħmod il-kliem u qalet ċar u tond li l-verżjoni tal-akkużat (Alan Debono) kienet ħafna aktar kredibbli.

Il-prosekuzzjoni ma pprovdiet l-ebda evidenza biex tikkontradixxi dak li qal is-surveyor.

Apparti minn hekk, espert mediku ma sab l-ebda evidenza ta’ diżabilità permanenti fuq l-allegat vittma.

Il-Qorti nnutat ukoll li l-ordnijiet li Galea ta waqt l-inċident imorru kontra kull prinċipju li jintuża biex ix-xena ta’ reat (f’dan il-każ l-inċident) tinżamm kif tkun. Galea l-ewwel qal li kellha timtela’ l-formola tal-bumper to bumber, imbagħad għal xi raġuni, qal li ċempel lill-Pulizija li ma ridux jiġu u talbuh biex jirrapporta fl-Għassa tan-Naxxar.

Qalet ukoll li Galea saq il-karozza mill-post tal-inċident għall-Għassa tan-Naxxar mingħajr diffikultà u aktar tard għaċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta u minn hemm għall-Imsida.

Innutat ukoll li meta ħareġ mill-Isptar, dakinhar stess, it-tobba ma kinux sabu li weġġa' gravi u ma ngħatax appuntament għal aktar osservazzjonni.

Kien għalhekk li l-Qorti talbet li l-Kummissarju tal-Pulizija biex jingħata kopja tas-sentenza u wara li jwettaq investigazzjoni, skont dak li jirriżulta, jibda proċeduri kontra l-uffiċjal talli ta xhieda falza u anke skont reati oħra li jirriżultaw mill-investigazzjoni mwettqa.

More in Qrati u Pulizija