Żewġt irġiel akkużati b'pussess ta' droga, armi u flus foloz

Huma ġew arrestati wara rejd li sar f'residenza u f'garaxx f'Ħal Qormi

Żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja fil-Qorti wara li ġew arrestati waqt rejd li sar f’dar u f’garaxx f’Ħal Qormi u li matulu nstabu fil-pussess tad-droga, armi tan-nar u anke flus foloz.

L-irġiel li għandhom 33 u 35 sena, tressqu quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli akkużati b’pussess aggravat ta’ kannabis, pussess ta’ kokaina u armi tan-nar.

L-Ispettur Frank Tabone spjega li l-pulizija waqqfu karozza li kienet se tħalli l-garaxx tar-residenza ta’ wieħed mill-akkużati.

Il-karozza kienet qed tinstaq mill-akkużat l-ieħor u fiha nstabet id-droga.

Fi tfittxija li saret fid-dar tiegħu, instabu ħaxixa tal-kannabis, reżina tal-kannabis, flus foloz, flus kontanti, armi u munizzjon.

L-Avukat Gianluca Caruana Curran qal li l-klijent tiegħu nstab li kellu fil-pussess tiegħu żewġ karti tal-flus foloz u ammont żgħir ta’ droga. Qal li l-akkużat għandu problema serja ta’ droga u li għandu bżonn l-għajnuna.

“Ma naħsibx li persuna għandha tmur il-ħabs fuq 10 grammi,” saħaq l-avukat.

L-akkużat l-ieħor kien diġà skonta sentenza ħabs fuq reati simili.

Madanakollu l-Avukat Franco Debono qal li dan instab li kien fil-pussess ta’ 100 gramma kannabis “li dwarha għaddejja diskussjoni biex tiġi legalizzata” u traċċi tal-kokaina.

Staqsa wkoll għalfejn ma ttellgħux xhieda u insista li d-droga nstabet fid-dar tiegħu, mhux f’Paceville u ma hemm l-ebda prova li turi li kien se jittrafikaha. Qal ukoll li għadu kmieni biex ikun stabbilit għalfejn instab fil-pussess ta’ flus foloz.

Il-prosekuzzjoni saħqet li l-ispjegazzjoni tal-akkużat fuq minn fejn ġew il-flus, kemm dawk foloz u anke dawk veri, ma kinitx kredibbli u qal li nstabu wkoll miżien u boroż li jindikaw li s-sustanza ma kinitx għall-użu personali biss.

Minkejja t-talba tad-difiża, iż-żewġt irġiel inżammu arrestati.

More in Qrati u Pulizija