Tliet żgħażagħ akkużati b'pussess ta' droga f'Paceville

It-tliet żgħażagħ ġew arrestati nhar is-Sibt li għadda

Tliet żgħażagħ ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li nhar is-Sibt li għadda ġew arrestati f’Paceville fuq pussess ta’ droga u sustanzi illeċiti.

Tnejn miż-żagħżagħ, wieħed ta' 23 sena minn Ħaż-Żabbar u l-ieħor ta' 29 mill-Bulgarija, tressqu akkużati b’pussess ta’ kokaina u ecstasy u li ma kinux għall-użu personali tagħhom.

Fuq wieħed minn dawn iż-żgħażagħ, Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, sabu 50 pinnola ecstasy u anke ftit kokaina.

Fil-Qorti ntqal kif dan iż-żagħżugħ minn Ħaż-Żabbar ikkopera mal-Pulizija u refa' r-responsabbilità.

Il-Bulgaru ilu jgħix Malta 22 sena u ġie arrestat wara li fuqu nstabu 45 pinnola u pakkett bi trab x’aktarx kokaina. Huwa insista li dawn kienu għall-użu personali tiegħu.

Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, l-akkużati wieġbu mhux ħatja.

It-tielet akkużat, li għandu 20 sena u li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, instab li kien fil-pussess ta’ kokaina u ħaxixa tal-kannabis.

Il-Maġistrat tat lit-tliet akkużati l-ħelsien mill-arrest, bil-kundizzjoni li jiffirmaw fl-Għassa darba fil-ġimgħa, ma joħorġux mid-dar f’ċertu ħin u jipprovdu depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €6,000.

More in Qrati u Pulizija