Vittmi ta' Paqpaqli jirrakkontaw dak li għaddew minnu

Gustav Cauchi, wieħed mill-vittmi, kien iddaħħal l-isptar u ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt

Waqt li kompla jinstema’ l-każ miftuħ mill-vittmi tal-inċident ta’ Paqpaqli, illum taw ix-xhieda tagħhom uħud minn dawk li weġġgħu li spjegaw pass pass dak li ġara waqt l-attività, f’Ottubru tal-2015.

Gustav Cauchi, li wara l-inċident kien għamel żmien fil-periklu tal-mewt, irrakkonta kif kien għadu kemm ħa sett ritratti tal-wirja statika tal-karozzi u kien sejjer lura lejn il-korsa meta waqaf jitkellem ma' ħabib tiegħu.

Ftit wara li ħa ritratt tal-karozza ta’ Paul Bailey, Cauchi rrakkonta kif sema’ l-ħoss tal-brejkijiet u malli dar ra waħda mir-roti tal-Porsche se taqbad il-ħaxix.

Spjega kif mal-ewwel induna li Bailey kien se jitlef il-kontroll u telaq jiġri lejn id-direzzjoni opposta.

Iżda dan kien kollu għalxejn. Ma kienx għadu għamel żewġ passi meta l-Porsche laħqitu u għaddiet minn fuqu.

Cauchi qal li ħass uġigħ kbir u meta ħares, induna li saqajh kienet miksura u ma setax iħoss idejh.

Huwa ttieħed minnufih Mater Dei fejn kien iċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt. Kellu diversi ksur f’siequ u anke ġrieħi fil-kliewi u l-fwied.

Vittma ieħor, Charlot Farrugia qal li kien qed jara l-wirja statika meta sema’ l-ħoss tal-brejkijiet u malli dar biex jara x’ġara, sab il-karozza ma wiċċu.

Huwa ntilef minn sensih u kien qam ftit tal-ħin wara fl-Isptar Mater Dei. Farrugia spjega kif għadu sal-lum ma jistax imur il-gym jew jiġġoggja kif kien iħobb jagħmel kuljum.

Aktar qabel, il-Maġġur John Borg ta d-dettalji tal-ippjanar u l-organizzazzjoni li kienu jsiru qabel l-attività bejn l-2010 u l-2013, taħt il-Presidenza ta’ George Abela.

Ikkonferma dak li qal il-President Emeritu l-ġimgħa li għaddiet, meta spjega kif minn Awwissu, il-kumitat organizattiv kien jiltaqa’ kull ħmistax fil-Palazz ta’ San Anton.

Insista li s-sigurtà dejjem kienet tingħata prijorità u l-kumitat kien saħansitra jispezzjona ż-żona kollha qabel ma tibda l-attività.

Il-Maġġur qal li wara li ntemmet il-Presidenza ta’ George Abela, kien għamel ftit xhur mal-President attwali, Marie-Louise Coleiro Preca qabel kompla bl-irwol tiegħu fil-Forzi Armati ta’ Malta.

Spjega kif waqt laqgħa mal-President Coleiro Preca u t-tim tagħha tal-Malta Community Chest Fund, kien ta l-parir li Mark Mallia, Tonio Darmanin u Duncan Barbaro Sant kienu essenzjali biex Paqpaqli setgħet tkompli.

Waqt l-edizzjoni ta' Paqpaqli tal-2015, is-sewwieq Paul Bailey kien tilef il-kontroll u baqa’ dieħel bil-karozza fil-pubbliku u weġġgħu 23 persuna. 

Il-ġimgħa li għaddiet, meta kien qed jixhed, il-President Emeritus George Abela qal illi r-responsabbilità ta’ din l-attività kienet taqa’ kollha fuqu u għalhekk ikkontradixxa xhieda li tat f’każ separat il-President Coleiro Preca, meta saħqet li r-responsabbilità tal-attività ma kinitx tagħha.

Il-vittmi fetħu kawża għad-danni kontra Bailey u l-organizzaturi ta’ Paqpaqli. Huma qed ikunu akkużati li involontarjament ikkawżaw ġrieħi gravi fuq terzi persuni u anke kkawżaw ħsara fuq diversi vetturi, minħabba imprudenza, traskuraġni u nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti.

 

More in Qrati u Pulizija