Qtil Daphne | Jixhed raġel li kien metri 'l bogħod mill-isplużjoni

Kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Raġel, li kien ftit metri ‘l bogħod mill-karozza tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kien wieħed mix-xhieda hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza.

Francis Sant, li joqgħod il-Bidnija, spjega kif kien fi triqtu lejn il-Manikata meta nnota splużjoni żgħira, bħal “sparatura minn taħt” f’karozza li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.

Qal li mal-ewwel splużjoni, il-vettura waqqfet għal ftit sekondi sakemm inbiddlet f’ballun tan-nar u baqgħet nieżla u għaddiet 3 metri ‘l bogħod minnu.

Kompla jispjega li ftit wara ra raġel li staqsieh ta’ min kienet il-karozza u kien wara li nduna li kien iben il-ġurnalista, Matthew Caruana Galizia.

Waqt is-smigħ tal-lum, xehed ukoll direttur tal-kumpanija li Caruana Galizia kienet kriet il-karozza mingħandha għal ħames snin. Spjega kif kienu jeżistu żewġ kopji taċ-ċwievet, waħda għand il-klijenta u l-oħra tinżamm mill-kumpanija.

Xehdu wkoll uffiċjali tal-pulizija fosthom wieħed li kien involut fit-tfittxija li kienet saret fir-residenza ta’ Alfred Degiorgio, wieħed mill-akkużati. Matul din it-tfittxija kienu ġew elevati flus, apparat teknoloġiku u anke kard tal-mowbajl.

Pulizija ieħor, li kien wasal fuq il-post ftit wara l-isplużjoni, spjega kif apparti l-karozza taqbad, mill-ewwel kien induna li fiha kien hemm persuna.

Il-prosekuzzjoni talbet biex mit-tinda tal-patata fil-Marsa, wieħed mill-postijiet li fih kien sar ir-rejd, jiġu elevati decoder, televixin u anke outboard tal-Yamaha.

Il-każ se jkompli fis-26 ta’ Marzu.

It-tliet akkużati huma Alfred Degiorgio l-Fulu, ħuh George Degiorgio ċ-Ċiniż u Vince Muscat il-Koħħu.

Il-ġimgħa li għaddiet, id-Direttur tal-Ħabs intalab jinvestiga min qed jgħaddi informazzjoni lill-midja.

Agħfas hawn u hawn biex taqra aktar dwar dak li ħareġ fis-seduti li għaddew.

More in Qrati u Pulizija