Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Akkużata li weġġgħet żewġ pulizija fl-Għassa tal-Marsa

Iż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija ġarrbu ġrieħi ħfief

Yendrick Cioffi / 13 ta' Frar 2018 13:00
Mara ngħatat multa ta’ €4,000 wara li nstabet ħatja li weġġgħet żewġ uffiċjali tal-Pulizija waqt argument fl-Għassa tal-Marsa.

L-akkużata marret flimkien mas-sieħeb tagħha u persuna oħra li ntalbet tmur fl-Għassa għal xi mistoqsijiet.

Meta ntalbet biex tistenna barra, għax ma kellha xejn x’taqsam mal-każ, il-mara ma aċċettatx u rreżistiet il-pulizija tant li weġġgħet tnejn minnhom.

Wieħed mill-uffiċjali ġarrab grieħi f’għonqu filwaqt li uffiċjal mara qalgħet daqqa taħt għajnejha.

It-tnejn li huma kienu ċċertifikati li ġarrbu ġrieħi ħfief.

L-Avukat li kien qed jidher għall-mara talab li jersaq lejn il-Maġistrat fejn flimkien mal-prosekuzzjoni ddiskutew il-każ bejniethom.

Ftit wara, huwa informa lill-Qorti li l-akkużata kienet qed twieġeb ħatja li attakkat, weġġgħet, ma obditx, insultat u heddet uffiċjali tal-pulizija, irreżistiet l-arrest, tkellmet ħażin fil-pubbliku u kissret il-paċi pubblika.

L-Ispettur Lara Butters qalet lill-Qorti li l-akkużata kkollaborat mal-pulizija waqt l-investigazzjoni.

Waqt li nnutat li l-mara għandha l-kondotta nadifa, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera ddeċidiet li tagħtiha multa ta’ €4,000 li tista’ tħallas f’pagamanti ta’ €120 kull xahar.

Jekk ma tħallas il-pagamenti ta’ kull xahar, il-mara jkollha tħallas l-ammont kollu f’daqqa.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook