Ferris bi protest ġudizzjarju biex jiġi rikonoxxut bħala 'whistleblower'

L-avukati ta’ Ferris ilhom minn Novembru jiktbu lil uffiċjali tal-Gvern biex Ferris jingħata l-protezzjoni skont il-liġi

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Jonathan Ferris ressaq protest ġudizzjarju lill-Avukat Ġenerali sabiex jiġi rikonoxxut bħala ‘whistleblower’ u li se jżomm lilu u lill-Gvern responsabbli għal kull negliġenza fil-qadi ta’ dmirijiethom.

L-eksSpettur Jonathan Ferries, li jispeċjalizza f’każijiet ta’ frodi, kien tkeċċa mill-FIAU f’Ġunju tas-sena li għaddiet. Huwa qed isostni li t-terminazzjoni tal-impjieg kien illegali u abbużiv, b’riżultat ta’ indħil ministerjali.

L-avukati ta’ Ferris ilhom minn Novembru jiktbu lil uffiċjali tal-Gvern skont l-Att tal-Whistleblowers tal-2013, biex jingħata l-protezzjoni skont il-liġi.

L-avukati qed isostnu wkoll li, aktar kmieni dan ix-xahar kitbu lit-Taqsima tal-Whistleblowing fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, liema tweġiba kienet tgħid li Ferris għandu jgħid x’informazzjoni għandu qabel jiġi rikonoxxut bħala ‘whistleblower’.

L-avukati Jason Azzopardi u Andrew Borg Cardona fissru li huwa insult li Ferris jintalab jgħid x’informazzjoni għandu qabel jingħata l-protezzjoni ta’ ‘whistleblower’.

Qalu li dan huwa kuntrast mal-mod kif l-istess Gvern mexa u fl-2014, l-Avukat Ġenerali ħareġ għexieren ta’ ċertifikati ta’ immunità lil aktar minn 600 persuna involuti fl-iskandlu tat-tbagħbis tal-‘ismart meters’.

More in Qrati u Pulizija