Qtil DCG | Il-Maġistrat Charmaine Galea se tieħu post Frendo Dimech

Il-Qorti kellha tappunta Maġistrat ġdid wara li Frendo Dimech qalet li sa’ 30 sena ilu kienet fl-istess klassi ma’ oħt Caruana Galizia

Ritratt | DOI Reuben Piscopo
Ritratt | DOI Reuben Piscopo

Il-Maġistrat Charmaine Galea ġiet appuntata mill-Qorti biex tieħu post il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fis-smigħ tal-kumpilazzjoni tal-provi dwar il-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

B'rabta ma' dan il-każ iż-żewġt aħwa Alfred Degiorgio ta’ 52 sena magħruf bħala l-Fulu u George Degiorgio ta’ 54 sena magħruf bħala ċ-Ċiniż u kif ukoll Vince Muscat ta’ 55 sena magħruf bħala l-Koħħu, jinsabu akkużati li qatlu lil Caruana Galizia u kellhom l-bombi.

Il-Qorti kellha tappunta Maġistrat ġdid wara li Frendo Dimech qalet li sa’ 30 sena ilu kienet fl-istess klassi ma’ oħt Caruana Galizia u li kienet bagħtet il-kondoljanzi lill-familja. Dan wassal biex id-difiża talbet li l-Maġistrat jinbidel minħabba dak li ddeskriviet bħala ‘rabta’ mal-vittma.

Il-kumpilazzjoni tal-provi issa se ssir nhar it-Tnejn li ġej. Il-Maġistrat Charmaine Galea trid tara jekk hemmx biżżejjed provi biex l-imputati jitpoġġew taħt kap ta’ akkuża u jibdew jgħaddu ġuri.

Il-Maġistrat Charmaine Galea twieldet fl-1976 u rċeviet id-Dottorat fil-Liġi fl-2001. Għamlet żmien tispeċjaliżża fiċ-Ċivil u l-liġi tal-Familja.

Ħadmet ukoll bħala Assistenta Ġudizzjarja fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kif ukoll fl-Uffiċċju tal-Prim Imħallef. Hija nħatret Maġistrat f’Ġunju tal-2013.

More in Qrati u Pulizija