Aġġornata | Każ DCG: Se jkollu jinħatar Maġistrat ieħor

Dan wara li l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech laqgħet it-talba tad-difiża biex tinbidel wara li l-imputati li tressqu b'rabta mal-qtil ta' Caruana Galizia sostnew li hemm konnessjoni mal-familja tal-ġurnalista

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Il-Qorti se jkollha taħtar Maġistrat ġdid għall-kumpilazzjoni tal-provi b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, dan hekk kif il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech għażlet li ma tkomplix bis-smigħ u laqgħet talba li saritilha mid-difiża.

Matul il-bidu tal-kumpilazzjoni tal-provi, il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li għall-‘bon fini’ sal-1983 hi kienet fl-istess klassi ma’ oħt Daphne Caruana Galizia.

Hawnhekk l-avukati difensuri qalu li l-Maġistrat għandha tinbidel għaliex kien hemm konnessjoni mal-vittma u meta kienet bagħtet ukoll il-kondoljanzi lill-familja Caruana Galizia. Hawhekk il-Maġistrat staqsiet kif li tibgħat il-kondoljanzi setgħet taffetwa l-kawża.

Is-seduta kellha tiġi aġġornata għal xi ħin wara li l-avukat tal-familja Therese Comodini Cachia qalet li Caruana Galizia kienet persuna pubblika u magħrufa bl-istess mod żewġha u li billi 34 sena ilu l-Maġistrat kienet tmur l-istess skola ma’ oħt il-vittma jew li bagħtitilhom il-kondoljanzi, ma kienx ifisser li kellha xi rabta diretta.

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Illum, fil-Qorti kellha tibda il-kumpilazzjoni tal-provi fil-każ kontra ż-żewġt aħwa Alfred Degiorgio ta’ 52 sena magħruf bħala l-Fulu u George Degiorgio ta’ 54 sena magħruf bħala ċ-Ċiniż u kif ukoll Vince Muscat ta’ 55 sena magħruf bħala l-Koħħu.

Huma kienu ġew arrestati b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, f’rejd li kien sar fl-inħawi tal-Menqa fil-Marsa, mill-Pulizija u l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. Huma jinsabu akkużati wkoll li jagħmlu parti minn ċirku kriminali, li kellhom u għamlu użu minn splussiv u li huma reċedivi.

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kellha tiddeċiedi jekk kienx hemmx biżżejjed provi miġbura mill-investigazzjonijiet biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża u jibdew ġuri.

L-imputati ġew skortati mill-Pulizija armati u bi tliet vannijiet sakemm daħlu fil-Qorti mid-daħla ta’ wara. Martin Fenech ġie appuntat avukat għal Vince Muscat, Francina Abela ġiet appuntata avukat għal Alfred Degiorgio u Benjamin Valencia ġie appuntat avukat għal George Degiorgio.

Fil-bidu tas-smigħ, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li huwa fl-aħjar interess tal-akkużati li jkollhom magħhom l-avukat. Qalet ukoll li x-xogħol tal-Qorti f’dan l-istadju kien li tisma’ x-xhieda tal-prosekuzzjoni. Frendo Dimech spjegat kif il-prosekuzzjoni għandha d-dritt li tistaqsi għal seperazzjoni tal-ġudizzju u taqsam il-proċess ġudizzjarju fi tliet partijiet, għal kull akkużat.

Ritratt | Liam Carter
Ritratt | Liam Carter

Kien l-avukat Valencia li staqsa li tinbidel il-Maġistrat. Il-prosekuzzjoni ma sabet l-ebda raġuni għall-bidla għaliex f’dan l-istadju kienet qed titressaq l-evidenza u mhux tittieħed deċiżjoni fuq il-każ.

L-avukat Martin Fenech qal li l-ġustizzja trid issir, bl-avukati Valencia u Abela jaqblu ma’ dan l-appell.

Martin Fenech qal li kull individwu għandu dritt li jħoss li l-Maġistrat hu indipendenti. Sostna li kulħadd irid ikun ċert li l-Maġistrat qatt ma kellha kuntatt b’xi mod jew ieħor li jista’ jaffettwa d-deċiżjoni tagħha.

Għamel referenza għall-każ ta’ abbuż f’Dar San Ġużepp, fejn il-Maġistrat kien inbidel minħabba rabtiet li kellu ma’ Radju Marija.

Ritratt | Liam Carter
Ritratt | Liam Carter

Martin Fenech sostna li ma kienx qed jgħid li l-Maġistrat se tuża xi preġudizzju fil-konfront tal-imputati. Donatella Fendo Dimech sostniet li ħasset id-dover li ssemmi kull rabta li kellha.

Il-prosekuzzjoni sostniet li l-irwol tal-Maġistrat illum kien li teżamina l-evidenza u mhux li tiddeċiedi fuq il-mertu u għalhekk ma kienx hemm biżżejjed raġuni biex il-Maġistrat tinbidel.

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet f’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru li għadda.

More in Qrati u Pulizija