Il-familja ta' Karin Grech bi protest ġudizzjarju wara li ntilfet l-evidenza

  • Intilfu biċċiet mill-envilopp li kienu evidenza importanti għall-każ u li setgħu ntużaw f'metodi forensiċi ġodda 
  • Il-familja Grech qed iżomm lill-Avukat Ġenerali, l-Kummissarju tal-Pulizija u lid-Direttur tal-Qorti responsabbli 

Il-familja ta’ Karin Grech, li kienet inqatlet b’ittra bomba fl-1977, formalment qed iżommu lill-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u lid-Direttur Ġenerali tal-Qorti responsabbli għall-għajbien ta’ evidenza.

Fi protest ġudizzjarju, Dr Edwin Grech, martu u ibnu rrimarkaw kif l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Karin Grech għada għaddejja minkejja li għaddew 40 sena.

Il-familja Grech qed isostnu li l-konvenuti huma responsabbli għan-nuqqas ta’ progress fl-investigazzjoni u issa sar magħruf li biċċiet mill-envilopp, li fih kien hemm l-isplussiv, intilfu mill-Qorti.

Sostnew li dawn il-biċċiet setgħu tefgħu dawl ġdid fuq il-każ speċjalment bil-metodi forensiċi ġodda li ġew żviluppati f’dan is-snin.

Il-każ imur lura għall-1977, meta Dr Edwin Grech kien laqa’ t-talba li jiġi lura Malta mir-Renju Unit waqt l-istrajk tat-tobba.

Tlett xhur wara fit-28 ta’ Diċembru tal-1977, ittra bomba li kienet magħmula minn envilopp kannella li fih kien hemm pakkett, waslet fir-residenza tal-familja Grech.

Kienet Karin Grech, li kellha 15-il sena, li fetħet l-pakkett u mietet bl-isplużjoni aktar tard fl-istess jum.

Il-protest ġudizzjarju jsostni li minkejja l-indikazzjonijiet, assistenza u l-koperazzjoni tal-familja Grech ma kienx hemm progress u dawk responsabbli minn dan l-att barbaru baqgħu ma nstabu.

More in Qrati u Pulizija