Jinżammu arrestati wara li kienu qed imexxu ċirku ta' prostituzzjoni

Il-Pulizija għandhom suspett li t-tifla tal-koppja, li għandha 14-il sena, ġiet sfurzata fil-prostituzzjoni

Żewġ Ungeriżi, raġel ta’ 39 sena u mara ta’ 34 sena li huma residenti f’San Pawl il-Baħar inżammu arrestati wara li tressqu quddiem il-Qorti akkużati bi prostituzzjoni. 

Kienu akkużati fost l-oħrajn bi traffikar tal-persuni, li sfurzaw żewġ nisa fil-prostituzzjoni, li kienu qed imexxu ċirku tal-prostituzzjoni, għexu mill-prostituzzjoni, biddlu appartament f’burdell u li saru reċedivi.

Huma wieġbu li ma kienux ħatja tal-akkużi mressqa kontrihom iżda ma talbux għall-ħelsien mill-arrest.

Huwa mifhum li n-nisa huma membri tal-familja tal-akkużi filwaqt li l-Pulizija għandhom suspett li t-tifla tal-koppja, li għandha 14-il sena wkoll ġiet sfurzata fil-prostituzzjoni.

Fil-Qorti ntqal li kien ikun hemm bejn 15 u 20 klijent kuljum, bl-omm tikkordina l-prostituzzjoni minn fuq it-telefown.

Intqal li fi żmien tlett snin, il-familja kienet telqet mill-Ingilterra lejn il-Kanada lura l-Ingilterra imbagħad marret l-Olanda, Malta u lura l-Olanda.

Il-Qorti ordnat li l-ismijiet tal-koppja Ungeriża ma jiġux ippubblikati minħabba l-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin filwaqt li ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi kollha tal-Ungeriżi.

More in Qrati u Pulizija