Ħabs għal sewwieq li ħeba l-kannabis fit-taxi tiegħu

Disa' xhur ħabs u multa ta' €950 għal sewwieq ta' taxi li nqabad b'ammont ta' kannabis moħbija fit-tapp tal-petrol tat-taxi tiegħu

Sewwieq ta' taxi, ngħata 9 xhur ħabs u multa ta' €950, fuq akkużi ta' traffikar ta' droga wara li fit-taxi tiegħu, preċiżament fit tapp tal-petrol instabulu biżżejjed kannabis biex jipproduċu 66 joint.

Is-sewwieq, Antonio Frendo ta' 69 sena minn Birkirkara, kien arrestat wara li l-Pulizija għamlet tfittxija fit-taxi tiegħu li kienet ipparkjata fuq barra ta' klabb f'Paceville. Mat tfittxija, taħt il-kappa tal-petrol tat-taxi nstabu tliet pakketti ta' kannabis imgeżwrin fil-foil, b'piż totali ta' 13.36 gramma

L-akkużat ammetta l-pussess tad-droga iżda insista li kienet għal użu personali. Huwa sostna li kellhu dak l-ammont fuqu dak il-ħin għax żewġ passiġġieri Taljani kienu ħallsuh bil-kannabis minflok b'kontanti.

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, innotat li normalment sigarett tal-kannabis (joint) ikollu fih madwar 0.2 gramma tad-droga, li jfisser li l-ammont li kellhu fit-taxi Frendo, kien biżżejjed biex jipproduċi 66 joint. Il-Qorti nnotat ukoll li l-fatt li d-droga nstabet ippakkjata fi tliet pakketti ta' kważi l-istess piż, jindika li ma kienitx għall-użu personali ta' Frendo.

Il-Maġistrat enfasizzat ukoll li kien hemm numru ta' inkonsistenzi fl-ispjegazzjoni tal-akkużat, hekk kif għall-ewwel huwa qal li d-droga inġbiet bix tinżamm f'post sigur, iżda wara biddel il-verżjoni u qal li kien qed jaħbihom mis-sieħda tiegħu.

Għaldaqstant Frendo nstab ħati ta' pussess aggravat ta' droga, f'ċirkostanzi li jindikaw li ma kienitx għal użu personali. Barra min hekk, ġie nnotat ukoll li fil-passat, Frendo kien instab ħati ta' numru ta' vjolazzjonijiet tat-traffiku, li kkorrompa minuri, u atti kriminali fir-rigward tad-dipartiment tal-VAT.

Frendo ingħata sentenza ta' 9 xhur ħabs u multa ta' €950

More in Qrati u Pulizija