Caruana Galizia titlob informazzjoni dwar il-mobile ta' Chris Cardona

Il-blogger għamlet talba sabiex l-operaturi jagħtu informazzjoni dwar in-numri li għamel kuntatt magħhom Cardona u l-post eżatt fejn kien jinsab

Illum fil-Qorti, sabiex tipprova l-allegazzjonjijiet tagħha dwar il-"Brothelgate", il-blogger Daphne Caruana Galizia għamlet appell urġenti sabiex jiġi ordnat lill-operaturi tal-telefonija ċellulari biex jippreżentaw fil-Qorti ir-rekords kollha tal-mobile tal-Ministru Chris Cardona.

L-ordni li saret dalgħodu kienet biex kemm il-Go, Vodafone u Melita jippreżentaw copji tat-"TAP file" tal-Ministru, li huwa mezz li permezz bih il-mobile iżomm informazzjoni dwar kull post fejn kien jinsab.

Cardona kien fetaħ libell kontra Caruana Galizia wara li hija ppublikat fuq il-blogg tagħha akkużi li l-Ministru Cardona żar burdell fil-belt ta' Essen, fil-Ġermanja, waqt li kien fuq vista uffiċjali.

It-talba ta' Galizia hija biex it-tliet operaturi jippreżentaw kull "TAP file" fil-pussess tagħhom u jiddepożitaw l-informazzjoni l-Qorti f'envelop issiġillat, sakemm jitilgħu jixhdu, u li qabel jagħmlu dan, janalizzaw l-informazzjoni kollha relatata mat-30 ta' Jannar bejn il-5 ta' filgħaxija u n-00:30 u bejn is-14:00 u 19:00 tal-31 ta' Jannar. Fit-talba tagħha, Caruana Galizia talbet li jingħataw in-numri kollha li għamel kuntatt magħhom Cardona, kemm għal telefonati, kif ukoll għal SMS.

More in Qrati u Pulizija