Żieda fit-tip ta’ reati...iżda mhux fin-numru

L-ILLUM titkellem ma’ Professur tal-Kriminoloġija dwar it-tipi differenti ta’ reati, kemm jitwettqu minnhom u għal liema raġuni

“F’dawn l-aħħar snin kien hawn perċezzjoni ta’ żieda fin-numru ta’ reati, iżda fil-verità kien it-tip differenti ta’ reati li żdied u mhux l-ammont.”

Din hija r-risposta ta’ Saviour Formosa, Professur tal-Kriminoloġija, għall-perċezzjoni li bħalissa hawn fost ħafna Maltin, li r-reati f’pajjiżna qegħdin jiżdiedu u li pajjiżna m’għadux sigur bħalma kien qabel. Din il-perċezzjoni bħalissa qed tissaħħaħ permezz tal-media, li tirraporta dwar reati vjolenti u gravi. Din is-sena f’pajjiżna, saħansitra, diġà kellna ħames omiċidji.

Il-Professur tal-Kriminoloġija Saviour Formosa
Il-Professur tal-Kriminoloġija Saviour Formosa

Formosa spjega f’intervista mal-ILLUM, li kif juru l-fatti u mhux il-perċezzjonijiet, il-kriminalità timxi skont il-bidliet fis-soċjetà, u li wieħed għandu jħares lejn iż-żewġ estremi li huma kaġun tal-kriminalità. “F’estrem wieħed tal-iskala”, spjega Formosa, “hemm il-faqar assolut, li jġiegħel bniedem iwettaq reati biex litteralment ikollu biex jiekol u jgħix, mentri fuq in-naħa opposta tal-iskala hemm l-affluenza kbira fejn ikun hemm ħafna flus u kummerċ li jwasslu biex il-livell ta’ kriminalità jikber. Bejn iż-żewġ estremi, imbagħad wieħed isib ‘il-griż’ tat-triq tan-nofs.”

Hemm il-faqar assolut, li jġiegħel bniedem iwettaq reati ... u l-affluenza kbira li twassal biex il-livell ta’ kriminalità jikber

Formosa spjega dan billi qal li f’Malta, fis-snin 50 u 60, in-numru ta’ reati kien żgħir għax l-opportunitajiet kienu ftit, iżda l-ftit reati li twettqu, kienu jkunu ta’ natura gravi. Huwa żied jgħid li tul iż-żminijiet il-kriminialità tgħaddi minn perjodi fejn togħla jew titbaxxa, skont is-sitwazzjoni li tkun għaddejja minnha s-soċjetà inġenerali f’dak il-perjodu.

Formosa sostna li filwaqt li x-xewqa tkun dejjem li ma jiġux imwettqa reati għax jinstabu modi kif jiġu evitati, il-fatt huwa li hekk kif is-soċjetà tinbidel, dejjem jinħolqu kawżi u opportunitajiet ġodda biex jinħolqu tip ta’ reati differenti.

Fl-2013, l-istatistika wriet li l-reati f’pajjiżna kien żdiedu bi 13% . Dwar dan iżda, Formosa staqsa x’tip ta’ reati kienu jammontaw għal din iż-żieda; “reati gravi u makabri jew rapporti ta’ kull tip ta’ reati?” Dan għaliex, spjega Formosa, iċ-ċifri tal-istatistiċi huma magħmulin mir-rapporti li jsiru. Bħala eżempju, il-Professur semma’ kif fl-2013, kien hemm il-każ tal-kupanija Palumbo, li minħabba inċident li kkawża ħsarat lil bosta persuni, numru ta’ 600 rapport fuq danni, magħmula fuq inċident wieħed, tellgħu ċ-ċifri biex jirriflettu fiż-żieda ta’ 13%. Mill-2013 s’issa, ir-rata ma naqsitx imma laħqet punt stabbli, fejn id-differenza issa hija biss fit-tip ta’ reati li jiġu mwettqa, aktar milli l-ammont tagħhom.

 

Hemm ħames kategoriji ta’ reati...bil-vjolenza domestika l-aktar waħda komuni

Ir-reati rrappurati lill-Pulizija, speċjalment f’dawn l-aħħar snin, jistgħu jinqasmu f’ħames kategoriji.

L-ewwel kategorija ta’ reati huma dawk marburtin mas-serq. It-tieni waħda hija dik li għandha x’taqsam ma’ danni, fi ħsarat fuq proprjetà u vetturi. It-tielet kategorija tinkludi vjolenza kkawżata minn ġlied, li l-professur qal li fi żmien is-sajf, biż-żieda fit-temperatura u konsum ta’ alokoħol ikun hemm aktar każi rrappurtati. Dwar il-vjolenza fiżika, Formosa spjega li minkejja l-qtil li seħħ fil-bidu ta’ din is-sena, li saru b’daqqiet ta’ skieken u madum jew tiri b’armi tan-nar, fil-verità, ir-reati ta’ vjolenza fiżika gravi u omiċidju qegħdin jonqsu aktar ma jmur iż-żmien, iżda l-metodi li bihom saru l-aktar omiċidji reċenti rrapportati fuq il-media, qed jagħtu l-perċezzjoni ta’ żieda. “Filfatt bħalissa għaddejjin ukoll minn mewġa ta’ bombi fil-karozzi, mewġa li l-aktar każ li werwer lin-nies kien dak tal-Imsida, li kien l-aktar wieħed li seta jipperikola nies innoċenti minħabba l-post fejn sar.”

L-aktar każ ta’ karozza bomba li werwer lin-nies kien dak tal-Imsida, li kien l-aktar wieħed li seta’ jipperikola nies

Ir-raba’ kategorija ta’ reati, li bħalissa hija l-iktar waħda li qed ikun hawn rapporti dwarha, u li mill-2007 ’l hawn kienet l-unika kategorija li rat żieda, kienet dik tal-vjolenza domestika. Formosa ddeskriva l-vjolenza domestika bħala “reat moħbi”, li jsir ġewwa d-dar u anke fih innifsu jinqasam f’żewġ tipi differenti, dak fiżiku u dak psikoloġiku. Formosa spjega li ħafna mir-rapporti ta’ vjolenza domestika jkunu ta’ natura psikoloġika, li jvarjaw minn intimidazzjoni, theddid u anke ‘stalking’, u filwaqt li dawn ma jkollhomx provi fiżiċi tanġibbli meta jsiru r-rapporti dwarhom, l-ammont qiegħed jiżdied aktar kull sena.

Il-ħames kategorija hija dik tal-frodi, li minkejja li dawn il-każi mhumiex sensazzjonali daqs omiċidji, serq u ġlied, fis-soċjetà tal-lum, huma reati li dejjem qegħdin jiżdiedu wkoll.

“Dawn il-ħames kategoriji bejniethom, jammontaw għal 90% tar-reati kollha li jsiru f’pajjiżna, u tul l-aħħar snin, ħlief għall-vjolenza domestika, kollha naqsu,” spjega Formosa.

 

Tmur fejn tmur illum, tajjeb li toqgħod attent xi tpoġġi fil-bwiet

Tul is-snin, reat ieħor li qed jara żieda konsiderevoli, huwa dak tal-‘pickpocketing’, is-serq ta’ kartieri, mobiles u oġġetti oħra mill-bwiet tan-nies li jseħħ f’toroq u postijiet iffullati. Formosa spjega li dan huwa ċirku kriminali organizzat, fil-maġġoranza b’serq kommess minn nies barranin li jagħmlu parti minn network organizzat, bħalma qed jitfaċċaw fil-pajjiżi kollha tal-Ewropa.

“Il-‘pickpocketing’ huwa reat relattivament ġdid għal Malta,” spjega l-kriminologu, li żied jgħid li qabel konna nisimgħu biss bi ftit każi l-Belt, imwettqin minn grupp ta’ nies ta’ nazzjonalità partikolari. Dawn inqabdu mill-Pulizija u għal xi żmien waqfu, qabel dan l-aħħar, reġa’ tfaċċa network organizzat li żied dawn it-tipi ta’ serq minn fuq il-persuna, speċjalment f’postijiet li joffru l-aktar opportunità biex dan isir, bħal postijiet iffullati fil-Belt, Paceville u waqt avvenimenti li jiġbdu l-folol.

Fi Strada Stretta, fil-Belt, bil-ftuħ ta’ numru kbir ta’ ristoranti u bars f’post daqshekk ristrett u dejjaq, inħolqot opportunità kbira għal reati bħal pickpocketing

Formosa spjega l-‘pickpocketing’, li qiegħed jara żidiet ta’ madwar 500 każ fis-sena qiegħed jikkontribwixxi fiż-żieda tat-total ta’ reati mwettqa f’sena, li jammontaw għal ħafna aktar minn kull każ ta’ vjolenza. Filwaqt li żieda fil-‘pickpocketing’ mhux ħaġa sabiħa, il-fatt li dawn, u mhux reati vjolenti jikkonsistu fil-maġġoranza tar-reati li jseħħu f’sena, għandu jserraħ daqsxejn moħħ in-nies li s-sigurtà ta’ pajjiżna għadha mhux mhedda daqs kemm hija l-perċezzjoni.

 

Ħafna reati qed iseħħu għall-kontroll ta’ territorju jew xi tip ta’ kummerċ

Il-każ tal-karozza bomba li seħħ f'Ħal Qormi f'Jannar tal-2017
Il-każ tal-karozza bomba li seħħ f'Ħal Qormi f'Jannar tal-2017

Ħafna mir-reati li seħħew dan l-aħħar, speċjalment il-bombi fil-karozzi u wħud mill-omiċidji, possibilment saru fiċ-ċentru tad-dinja kriminali nnifisha, għall-kontroll ta’ territorju jew ta’ xi tip ta’ kummerċ jew attività kriminali. Bħalissa din ir-ritaljazzjoni kriminali qiegħda ssir permezz ta’ bombi, bl-istess mod kif ftit taż-żmien ilu kienet issir permezz ta’ sparar fuq xulxin. Ir-rapporti fuq il-media, minħabba li l-metodu tar-reat huwa wieħed xokkanti, iżid il-biża’ u l-perċezzjoni ta’ insikurezza fil-pajjiż. Filwaqt li għall-poplu Malti, ħames omiċidji fis-sena jidhru bħala ċifra inkwetanti, meta mqabbla mal-pajjiżi l-oħra, għadna fost l-inqas pajjiżi fejn isiru omiċidji, u dawk li jsiru jkunu kważi kollha bi skop kriminali jew bi tpattija.

 

Il-post jiddetermina n-numru ta’ reati...skont l-ammont ta’ nies u opportunitajiet li dan joffri

Il-popolazzjoni ta’ Malta dejjem tiżdied, u minbarra l-Maltin, kull sena pajjiżna jara żieda ta’ madwar 200,000 ruħ aktar, li jagħmel lil pajjiżna wieħed mill-ogħla densità ta’ popolazzjoni fid-dinja. “Dan joħloq opportunità għal aktar reati, kif ukoll iżid in-numru ta’ vittmi potenzjali.” Formosa qal li tajjeb li wieħed jinnota, li għall-ammont ta’ barranin li hawn f’pajjiżna, jekk nieħdu ċifra ta’ 200,000, suppost in-numru ta’ reati seta’ jiżdied b’1,500 fis-sena, li fortunatament, qatt ma kien il-każ f’Malta. Il-kriminologu ssokta jispjega li r-rata ta’ reati komessi f’postijiet differenti tiġi ddeterminata mill-opportunatijiet li dan il-post joffri. Bħala eżempju huwa ġab Strada Stretta, fil-Belt, li filwaqt li sa ftit ta’ snin ilu ma kien hemm xejn, illum, bil-ftuħ ta’ numru kbir ta’ ristoranti u bars f’post daqshekk ristrett u dejjaq, inħolqot opportunità kbira għal reati bħal ‘pickpocketing’.

 

Żieda fil-barranin ġabet magħha żieda fl-opportunitajiet għal aktar reati differenti

Il-perċezzjoni tan-nies dwar min qed jikkommetti l-maġġorparti tar-reati, huwa bbażat fuq dak li jaraw fuq il-media. Huwa fatt li kuljum aktar nisimgħu b’barranin milli Maltin involuti f’reati ta’ serq, vjolenza u droga.

Aktar ma bdew jiġu nies ta’ nazzjonalitajiet differenti f’pajjiżna, aktar bdew iġibu magħhom il-metodi u l-vizzji li f’pajjiżhom kienu aktar komuni u li għal hawn Malta kienu novità kemmxejn xokkanti

L-ILLUM staqsiet lill-Professur Formosa jekk din hix biss perċezzjoni tal-poplu, jew sitwazzjoni reali. Formosa spjega li l-bidla tinħoloq permezz tal-opportunità u l-istess bidla, toħloq ukoll metodi ġodda ta’ kif jitwettqu reati. Huwa żied jgħid li jekk nikkunsidraw li l-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet b’mod konsiderevoli fl-aħħar snin, hemm ċans ikbar li ħafna aktar reati se jitwettqu minn barranin.

Dan il-fenomenu beda mis-snin 80, meta n-numru ta’ reati mwettqin mil-Libjani li bdew jiġu Malta, fil-maġġorparti fuq Tuneżini u Eġizzjani, u mhux fuq Maltin, żied l-ammont totali ta’ reati mwettqin f’Malta f’sena. Formosa emfasizza li wieħed qatt ma jista’ jsostni li kull barrani, jew kull persuna ta’ nazzjonalità partikolari huwa suġġettibli għall-reati, iżda huwa minnu li ż-żieda fil-popolazzjoni ġabet magħha anke żieda u bidla fil-mentalità u l-metodoloġija kriminali.

“Aktar ma bdew jiġu nies ta’ nazzjonalitajiet differenti f’pajjiżna, aktar bdew iġibu magħhom il-metodi u l-vizzji li f’pajjiżhom kienu aktar komuni u li għal hawn Malta kienu novità kemmxejn xokkanti.” In-nazzjonalitajiet differenti effetwaw ukoll il-mod kif bdew isiru ċerti omiċidji u anke t-tip ta’ drogi li bdew jiddaħħlu f’pajjiżna u l-mod kif bdew jiġu ttraffikati. “Dan jidher ukoll mill-fatt li 25% tal-ħabsin fil-ħabs ta’ Kordin huma barranin,” żied jgħid Formosa.

 

Kull kultura għandha metodu kriminali partikolari għaliha

Il-Professur tal-Kriminlogija spjega lill-ILLUM li tmur fejn tmur fid-dinja, kull kultura differenti għandha metodu kriminali tipiku u partikolari għaliha. Lil hinn mit-tikketti li ħafna nies jassoċjaw tip ta’ reat ma’ nazzjonalità partikolari, hemm  biċċa verità dwar il-fatt li pereżempju l-‘pickpocketing’ isir primarjament minn nies ta’ nazzjonalità partikolari, u meta dan ir-reat ippruvaw jikkopjawh xi Maltin, ma marrux tajjeb fih u waqfu. Formosa semma’ li ċertu tip ta’ omiċidji, ikunu assoċjati ma’ ċertu tip ta’ nies u ċertu tip ta’ vjolenza partikolari ma tkunx ħaġa tipika li se twettaq persuna Maltija, minkejja li l-Malti jaf ikun vjolenti wkoll bil-mod tiegħu, bħalma rajna f’dawn l-aħħar xhur fejn saħansitra sar qtil permezz ta’ maduma.

Mistoqsi jekk il-media tistax tikkontribwixxi biex tagħti ideat jew tħajjar kriminal kif jista’ jwettaq reat, Formosa sostna li dan mhux il-każ u metodoloġija kriminali mhux ħaġa li tiġi kkupjata.

Il-Kriminologu Saviour Formosa temm l-intervista tiegħu mal-ILLUM billi reġa’ xtaq iserraħ moħħ il-qarrejja li l-gravità tar-reati fis-sena, qiegħda fil-verità tonqos, u huwa biss il-metodu u l-ħruxija ta’ ċerti każi rrapporttati fil-media li qiegħed jibqa’ f’moħħ in-nies, metodu li dejjem se jinbidel tul iż-żmien.

More in Qrati u Pulizija