Minn 1,174 għal 463 kawża pendenti fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar...

Il-kawżi pendenti fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar jonqsu bi kważi tliet darbiet matul din il-leġiżlatura

Sal-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena kien hemm 463 kawża pendenti fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar, li jfisser li l-ammont ta’ kawżi pendenti f’dan it-tribunal naqas bi kważi tliet darbiet meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-aħħar ta’ Marzu tal-2012 - meta kien hemm 1,174 kawża pendenti.

It-titjib qawwi seħħ minkejja li żdiedet u twessgħet il-kompetenza legali tal-kawżi li t-Tribunal għal Talbiet Żgħar jista’ jisma’, matul din il-leġiżlatura. Fil-fatt, waqt li qabel it-Tribunal għal Talbiet Żgħar kien jisma’ kawżi sa EUR 3,494.06 b’emendi tal-Att IV tal-2016, it-Tribunal issa jista’ jisma’ kawżi sa EUR 5,000.

Irriżulta titjib sostanzjali wkoll fil-kejl ta’ kemm kawża tieħu żmien biex tintemm quddiem dan it-tribunal - minn 349 ġurnata fl-ewwel kwart tal-2012, għal 212 ġurnata fl-ewwel kwart tas-sena kurrenti.

Dan għaliex kawżi ta’ dan it-tip - li huma dwar il-ġbir tal-flus - jaffettwaw mhux biss lill-familji li minn żmien għal żmien jista’ jkollhom tilwim, iżda iktar u iktar lin-negozji. Għalhekk, it-titjib reġistrat qed iwassal għal iktar likwidità u għal iktar tkabbir ekonomiku fil-pajjiż.

Il-Gvern jinsab kommess li jkompli jtejjeb l-effiċjenza ta’ dan it-tribunal li hu kruċjali biex bniedem li jkollu bżonn jiġbor flusu jkun jista’ jagħmel dan bla telf ta’ żmien.

More in Qrati u Pulizija