Anzjan akkużat li abbuża minn tfajla ta' 14 -il sena

Ir-raġel ta' 70 sena sostna fil-Qorti li r-rapport kien konsenswali u li ma kienx jaf li t-tfajla hija taħt l-età

Anzjan ta' 70 sena, li dalgħodu ttella' l-Qorti fuq akkużi li abbuża sesswalment minn tfajla ta' 14 -il sena ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, minkejja li huwa sostna fil-Qorti li ma kienx jaf li t-tfajla hija taħt l-età u li r-rapport kien konsenswali.

Ir-raġel, ta' nazzjonalità Taljana u li jgħix San Pawl il-Baħar, kien akkużat li nhar is-sibt li għadda, ħatax lit-tfajla ta' 14 -il sena li kienet miexja fit-triq, ħadha f'garaxx, fejn hemmhekk abbuża minnha sesswalment.

Il-Maġistrat Grazio Mercieca ma taxt il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat, fl-interess tal-vittma, sabiex jaċċerta li ebda xhud fil-każ ma jiġi avviċinat mill-akkużat, bir-riskju li tinbidel ix-xhieda dwar x'ġara nhar Sibt il-Għid.

L-avukat difensur tat-Taljan, argumenta favur il-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużat għandu 70 sena u ilu numru ta' snin jgħix Malta, u għaldaqstant m'hemmx periklu li jaħrab, kif ukoll li m'għandu ebda preċedenti ta' ksur tal-liġi u minħabba raġunijiet ta' saħħa, hekk kif huwa jbati minn pressjoni għolja.

L-akkużat, li huwa mixli li kkorrompa u wettaq atti sesswali fuq minorenni, żamm persuna kontra r-rieda tagħha u li offenda l-morali tal-allegata vittma.

L-avukat difensur tal-anzjan ikkontesta l-validità tal-arrest minħabba li l-akkużat la jitkellem bl-Ingliż u lanqas bil-Malti u li sar jaf biex huwa akkużat wara li ġie arrestat u mhux qabel.

L-Ispettur Godwin Scerri, inkarigat mill-prosekuzzjoni argumenta li l-arrest kien validu u legali, u li mill-informazzoni li ngħatat lilu, l-akkużat kien informat bl-akkużi miġjubin kontrih ffl-iqsar żmien possibli. L-ispettur għamel enfażi fuq il-gravità tal-akkużi u dwar il-bżonn li jinstemgħu ix-xhieda kollha.

Il-Qorti ordnat li l-ismijiet tal-akkużat u tal-vittma ma jiġux ippublikati, fl-interess tal-partijiet kollha nvoluti, sakemm jiġi konkluż dan il-każ.

More in Qrati u Pulizija