Ħelsien mill-arrest għall-operaturi ta' burdell

Tliet Maltin akkużati li operaw burdell ingħataw il-ħelsien mill-arrrest...iżda l-istess prostiti arrestati waqt ir-raids fil-burdelli inżammu taħr arrest

Tliet Maltin ingħataw il-ħelsien mill-arrest sakemm tinqata' s-sentenza kontrihom, wara li dalgħodu huma ġew akkużati b'konnessjoni mar-raids li l-Pulizija għamlu nhar it-tlieta li għadda, fi ħwienet tal-massaġġi li kienu qed iservu ta' burdelli. Waqt ir-raids, il-Pulizija kissru ċirku ta' prostituzzjoni u tellgħu sitt nisa Ukreni l-Qorti.

Sheldon Falzon, ta' 33 sena u Lydon Falzon, ta' 31 sena  minn Guardamangia, flimkien ma' Nadia Dimech, ta' 31 sena mill-Imsida, tressqu l-Qorti mill-Ispettur John Spiteri quddiem il-Maġistrat Claire Louise Stafrace.

Sheldon u Lydon Falzon ġew mixlija li kienu qegħdin jgħixu minn fuq profitti magħmulin bil-prostituzzjoni. Dimech kienet mixlija bil-parteċipazzjoni fl-operat tal-burdell. It-tliett akkużatu ammettew għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-Qorti ppermettiet lill-avukati difensuri Michael u Lucio Sciriha, li dehru f'isem Lydon Falzon u Nadia Deimech u l-avukat Yanika Bugeja, f'isem Sheldon Falzon, biex javviċinaw il-bank tal-Maġistrat u jiddiskutu l-każ bejniethom għal tul ta' ħin.

Wara 30 minuta ta' smiegħ privat, il-Qorti ġiet aġġornata.

L-Ispettur Spiteri qal li se juri fil-Qorti shotgun, flimkien ma' envelop A3 mimli flus li nstabu fid-dar ta' Lydon Falzon, flimkien ma' envelop ieħor, li fih kien hemm raża u ħaxixa tal-kannabis. Peress li l-flus ma nstabux fil-ħwienet tal-massaġġi, il-Qorti ppermettiet li l-flus jiġu rilaxxati.

Il-Qorti ħabbret li s-sentenza se tinqata' fit-23 ta' Marzu. L-akkużati ingħataw ħelsien mill-arrest sad-data tas-smiegħ, fuq garanzija personali ta' €5000. L-akkużati ma kienu mitluba jiffirmaw fir-reġistru  u lanqas li josservaw restrizzjoni fuq x'ħin jidħlu lura f'darhom, iżda ordnat li l-passaporti u l-karti tal-identità tagħhom jiġu konfiskati.

L-għotja tal-ħelsien mill-arrest lil dawn l-allegati operaturi ta' burdell mistennija tiġbed lejha ammont ta' tqabbil dwar kif il-liġi mxiet mal-prostitu nnifishom li ġew arrestati aktar kmieni din il-ġimgħa. Erba' mill-prostituti Ukreni ingħatatilhom sentenza sospiża b'rakkomandazzjoni li jiġu ripatrijati, wara li ammettew l-akkużi miġjiba kontrihom. It-tnejn l-oħra li ma kkontestawx l-akkużi ma ngħatawx il-ħelsien u nżammu arrestati minħabba biża' li ma jattendux għas-sedta tal-Qorti.

More in Qrati u Pulizija