Aħwa jinħeslu minn akkużi ta' traffikar...

Wara li waqgħu l-akkużi ta' pussess u traffikar ta' kannabis, iż-żewġt aħwa ġew meħlusa

Żewgt aħwa miż-Żejtun, Silvio Galea ta' 41 sena u ħuh Antoine, ta' 39 sena, inħelsu mill-arrest wara li waqgħu l-akkużi ta' pussess u traffikar ta' droga kannabis miġjubin kontrihom.

L-aħwa kien ġew mixlija separatament b'pussess aggravat ta' kannabis. Antoine Galea waħdu kien mixli wkoll bi traffikar ta' sustanzi illegali.

Il-każ imur lura għall-2006, meta wara operazzjoni ta' ossevazzjoni mill-Pulizija u tfittxija fid-dgħajsa ta' Antoine Galea, kienu nstabu 31 biċċa kannabis.

Ftit wara li l-Pulizija arrestaw lil Antoine Galea f'bar fiż-Żejtun, innotaw raġel u mara deħlin bl-għaġġla fid-dar tal-aħwa u joħorġu lura ftit tal-ħin wara. Il-Pulizija qalu li r-raġel kien Silvio Galea. Il-Pulizija li kien għassa mal-proprjetà qalu li raw lill-koppja taqsam it-triq mid-dar għal għalqa fejn kienet miżmuma d-dgħajsa li ftit wara fiha nstabet id-droga.

Il-Maġistrat Natasha Galea iddikkjarat li l-prosekuzzjoni ma kienx irnexxiela tipprova l-każ mingħajr dubji raġjonevoli. Il-Qorti nnotat li minkejja li d-droga nstabet fi proprjetà tal-akkużat, il-marki tas-swaba li nstabu fuq id-droga ma kienux jaqblu ma' ta' ebda wieħed miż-żewġt aħwa.

Il-Qorti sostniet li filwaqt li l-azzjonijiet tal-akkużati kienu suspettużi, minn naħa l-oħra il-konnessjoni bejn l-irġiel u d-droga ma kienitx b'saħħitha biżżejjed biex tissodisfa r-rekwiżiti legali biex tingħatalhom sentenza, u għaldaqstant l-aħwa Galea inħelsu minn kull akkuża.

More in Qrati u Pulizija