Wara li stupra żewġ subien, issa nqabad jieħu r-ritratti tat-tfal ibiddlu

Pedofelu u stupratur ta’ 73 sena, jeħel 5 snin ħabs talli xerred stampi indeċenti ta’ tfal

Ritratt : Arkivji
Ritratt : Arkivji

Raġel ta’ 73 sena, Anthony Pandolfino, li fil-passat diġà ngħata sentenzi fuq akkużi ta’ pedofelija u stupru, ingħata 5 snin ħabs fuq akkużi ta’ pussess, produzzjoni u tixrid ta’ stampi indeċenti ta’ tfal.

L-anzjan ta’ 73 sena, b’xagħar u daqna bojod itella' l-qorti fil-manetti, fejn ġie akkużat bi produzzjoni u tixrid ta’ stampi li fihom kien hemm persuni taħt l-età, li ċċirkola materjal pornografiku u li uża computer sabiex jakkwista materjal indeċenti ta’ persuni taħt l-età.

Dalgħodu fil-Qorti, il-Pulizija preżentat hard disks, kameras u apparat elettroniku ieħor li kkonfiskat lill-akkużat. L-investigaturi spjegaw kif instabu ammonti ta’ terabytes ta’ materjal pedofelu. Il-Pulizija għadhom qegħdin jinvestigaw jekk uħud mit-tfal fl-istampi li nstbabu humiex Maltin.

L-Ispettur Joseph Busuttil qal lill-Maġistrat Monica Vella li Pandolfino kien diġà qatta sentenza ta’ 10 snin ħabs fuq akkużi simili. Infatti fl-2006, Pandolfino, flimkien ma’ ħuħ kienu ngħataw sentenza l-ħabs talli stupraw żewġ subien ta’ 10 u 11 –il sena rispettivament.

Minbarra li jġemmagħhom, Pandolfino kien iqassam u jpartat dawn l-istampi indeċenti li għamel hu stess ma “persuni bl-istess interessi tiegħu”.

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta MaltaToday, qalu li l-akkużat kien ukoll jieħu ritratti ta’ tfal ibiddlu l-ħwejjeġ ħdejn il-baħar u li kien jattendi avvenimenti pubbliċi biex jieħu r-ritratti tat-tfal u mbgħad iqassamhom fuq l-internet.

L-avukat Christopher Chircop ammetta l-ħtija f’isem l-akkużat. Il-Maġistrat Monica Vella wissiet lill-akkużat li jekk jinstab ħati se jispiċċa l-ħabs. “Jien niżżilt dawk l-affarijiet u m’hemm ebda...” beda jgħid Pandolfino, qabel żvijja minn dak li kien se jgħid u aċċetta li jekk jammetti għall-akkużi se jispiċċa l-ħabs.

Pandolfino avża lill-Qorti li l-ġimgħa d-dieħla jrid jagħmel operazzjoni. Il-Qorti aċċettat it-talba tad-difiża li r-raġel jinżamm fit-taqsima forensika tal-isptar Monte Karmeli sakemm jirkupra mill-operazzjoni.

L-Ispettur Busuttil talab lill-Qorti biex isem ir-raġel jitpoġġa fuq ir-reġistru tat-trasġressuri sesswali, hekk kif innota li meta Pandolfino kien instab ħati tal-istupru taż-żewġ subien, ir-reġistru ma kienx għadu jeżisti. Din it-talba ġiet aċċettata.

Għaldaqstant, Pandolfino ingħata sentenza ta’ 5 snin ħabs u ntalab iħallas multa ta’ €3000, filwaqt li tpoġġa taħt ordni ta’ kura.

Id-difiża infurmat lill-Qorti li se tappella għas-sentenza, iżda ma kienx hemm talba għall-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija