Martin Degiorgio tal-ANR jitlef il-libell li kien għamel lil Daphne Caruana Galizia għax sejħitlu ‘faxxist’

Il-Qorti biddlet id-deċiżjoni li fiha Degiorgio kellhu jingħata €2400 minn DCG

Il-Qorti tal-Appell biddlet id-deċiżjoni li kienet ħadet fl-2015, li fiha kienet ordnat lil Daphne Caruana Galizia biex tħallas is-somma ta’ €2400 lill-eks kelliem tal-Azzjoni Nazzjonali Repubblikana (ANR), wara li kienet iddeskrivietu bħala faxxist.

Degiorgio kien fetaħ libell fil-konfront ta’ Caruana Galizia wara li hija kitbet żewġ opinjonijiet ippublikati fuq il gazzetta The Malta Independent on Sunday, bit-titli “Qomos suwed u qlub aktar suwed” (Black shirts and blacker hearts) u “Martin u ħbiebu fl-aħbarijiet” (Martin and friends make the news). Iż-żewġ artikli qabblu lil Degiorgio mal-mexxej tal-lemin estrem Norman Lowell.

Wieħed mill-artiklu kwota lil Degiorgio iwissi li “L-Afrikani qed jirriskjaw li jbiddlu lill-Malta fil-latrina tal-Mediterran”, li mid-dehra kienet affermazzjoni magħmula fuq il-Herald Tribune u rrapportata fuq portal ieħor f’Malta.

Degiorgio sostna li l-artiklu pinġewh bħala xi ħadd b’fehmiet estremi u bħala faxxist, u li ssuġġerew saħansitra li kien involut f’attakki ta’ tqabbid ta’ nar kontra ġurnalisti u membri tal-komunità ġiżwita li jaħdmu mal-immigranti.

Fl-2015, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, iddeċidiet li l-kummenti kienu libellużi u mhux ġusti.

Iżda lbieraħ, din id-deċiżjoni ġiet revokata wara li sar appell fuqha.

L-imħallef Anthony Ellul għamel referenza għall-kummenti attribwiti għal Degiorgio, li kienu kollha kemm huma ostili lejn il-multikulturaliżmu u persuni ta’ etniċità sewda u li kienu ppublikati fuq l-International Herald Tribune, il-Washington Post u s-sit tal MSNBC.

Il-Qorti tal-Appell qalet li kienet tal-opinjoni li Caruana Galizia kienet qegħda “ċarament tesprimi l-opinjoni tagħha, ibbażata fuq il-pożizzjoni li ħadu il-persuni msemmija fl-artikli, dwar is-suġġett tal-immigrazzjoni f’Malta.”

Il-Qorti ma qablitx mal-ewwel deċiżjoni li ttieħdet fl-2015, li fehmet li l-użu tal-kelma “faxxista” kien intuża b’mod offensiv, hekk kif Degiorgio kien tal-opinjoni li l-immigranti ma kellhomx post fis-soċjetà Maltija u li kien qal li organizza protesta pubblika kontra l-immigrazzjoni.

“It-twemmin ta’ Degiorgio fir-rigward tal-immigrazzjoni huma ċari fil-kuntest tal-artikli. Minkejja li l-użu tal-kelma “faxxist” seta’ kien wieħed aħrax, dan kien biss kritika tal-pożizzjoni li huwa ħa, flimkien mal-membri l-oħra tal-Alleanza Nazzjonali Repubblikana fir-rigward tal-immigrazzjoni.

L-imħallef innota li Caruana Galizia użat biss it-terminu “faxxist”, iżda tat ukoll id-definizzjoni tal-istess terminu, fejn kitbet li li “l-faxxiżmu huwa suspettuż mill-barranin kollha u minoritajiet, u jħares lejn id-drittijiet tal-bniedem bħala dispensabbli jekk ma jservux l-interessi tan-nazzjon, jew jekk ifixklu mill-għanijiet tal-moviment faxxista.”

Din l-ispjegazzjoni kienet isservi biex tmexxi lill-qarrejja jifhmu kif hija waslet għall-ġudizzju dwar il-ħsibijiet ta’ Degiorgio fir-rigward tal-immigrazzjoni, u li dak li hu u oħrajn kienu qed jgħidu kien qed iwassal għal ambjent ta’ intolleranza lejn l-immigranti.

Il-Qorti qalet li l-Qorti Ewropea ippermettiet lill-ġurnalisti “li jirrikorru għal xi ftit esaġerazzjoni, provokazzjoni u ħruxija”.

Il-pożizzjoni pubblika ta’ Degiorgio dwar din il-kwistjoni poġġietu fid-dawl tal-iskrutinju tal-media dwar jekk iqisx lilu nnifsu bħala politikant jew membru ta’ ‘pressure group’, sostniet il-Qorti

Il-Qorti nnotat ukoll li l-artiklu kien għamel distinzjoni bejn Degiorgio u Normal Lowell u l-partitarji tiegħu, u ma akkużax lil Degiorgio bi vjolenza, iżda qal li l-kliem tiegħu ikkontribwixxa għal kultura ta’ vjolenza.

More in Qrati u Pulizija