Liċenzja sospiża għal 8 ijiem biss, għal raġel li saq ‘wrong-way’, u weġġa’ 4 nisa f'karozza li ħabat fiha

Is-sewwieqa tal-karozza li ntlaqtet tħalliet b’diżabbiltà permanenti wara li l-akkużat ħabat fil-karozza tagħha waqt li kien qed isuq fuq il-korsija żbaljata

Ritratt : Arkivji
Ritratt : Arkivji

Raġel ingħata €2000 multa u sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu għal 8 ijiem, wara li nstab ħati ta’ sewqan perikoluż, hekk kif b’kawża tas-sewqan bl-addoċċ tiegħu, erba’ nisa sfaw midruba f’inċident tat-traffiku, tnejn minnhom b’mod gravi.

Il-Qorti semgħet kif f’Ġunju tal-2013, il-karozza ta’ Charles Cutajar, għal xi raġuni spiċċat fuq il-korsija opposta minn dik li kien qed isuq fiha u ħabat ras imb’ras ma' karozza oħra li kienet qed tinstaq regolarment fil-korsija tagħha, bir-riżultat li tajjar din il-karozza diversi metri l-bogħod mill-post tal-impatt.

L-inċident li seħħ fi Triq Ħaż-Żabbar, fiż-Żejtun ħalla l-erba’ okkupanti tal-karozza mweġġgħin gravi, bis-sewwieqa saħansitra ġġarrab diżabbiltà permanenti f’16% ta’ ġisimha.

Cutajar kien ukoll akkużat li kkawża ħsarat gravi fuq żewġ persuni u ħsarat moderati fuq tnejn oħra, kif ukoll li kkawża ħsara fil-proprjetà (vettura) tal-vittma minħabba n-nuqqas tiegħu li josserva r-regoli tat-traffiku.

Sewwieq li kien qiegħed isuq wara l-karozza tal-erba’ nisa li ntlaqtet minn Cutajar xehed fil-Qorti li ra l-karozza ta’ Cutajar taqbeż fuq il-korsija tagħhom u ssuq bil-kontra tat-traffiku. Huwa qal li kif ra hekk ħa azzjoni u warrab mid-direzzjoni tal-karozza ta’ Cutajar, iżda l-karozza tal-vittmi kienet wisq viċin biex ikolla l-ħin tevita l-impatt.

“Hekk kif naqqast il-veloċità,” kompla jgħid ix-xhud, “rajt il-karozza li kienet ġejja bil-kontra taħbat fin-naħa tas-sewwieq tal-karozza tan-nisa, li intremiet lura, qabel ma qalgħet daqqa oħra fuq quddiem mingħand l-istess karozza.”

Il-Qorti nnotat li ma kien hemm ebda evidenza li turi li Cutajar seta’ ntilef minn sensieh, jew li l-karozza tiegħu kellha xi ħsarat mekkaniċi, sabiex huwa jaqbeż fuq il-korsija opposta.

Cutajar instab ħati tal-akkużi kollha. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ordnat lil Cutajar iħallas multa ta’ €2000 iżda għal xi raġuni ssospendietlu l-liċenzja tas-sewqan għal 8 ijiem biss.

More in Qrati u Pulizija