Tliet xhur ħabs għal attentat ta' vjolenza fuq tfajla

Għawdxi ta' 36 sena ingħata 3 xhur ħabs wara li nstab ħati ta' attentat vjolenti fuq tfajla Ingliża

Pasqualino Cefai, lura fl-2010 waqt is-smiegħ tal-akkużi
Pasqualino Cefai, lura fl-2010 waqt is-smiegħ tal-akkużi

Pasqualino Cefai, l-Għawdxi ta’ 36 sena li f’Mejju tal-2010 kien akkużat li, għamel attentat vjolenti fuq tfajla Ingliza wara li wassalha lura minn bar bil-karozza tiegħu, ġie kkundannat tliet xhur ħabs wara li l-Qorti tal-Appell sabitu ħati tal-attentat vjolenti fuq it-tfajla.

Cefai, li mhux l-ewwel darba li kellhu problemi mal-liġi, kien diġà ħa kundanna ta’ sentejn u nofs ħabs wara li kien hedded Maġistrat, u f’każ ieħor separat, ingħata seba’ snin ħabs oħra wara li kien ta daqqiet ta’ sikkina lil persuna.

Il-każ tal-attentat fuq it-tfajla Ingliża, Marie-Christine Dunlop, seħħ fl-20 ta’ Mejju tal-2010, wara li Cefai offra li jwassalha d-dar wara li t-tnejn li huma kienu qed jixorbiu f’bar f’Marsalforn, Għawdex.

Dunlop kienet għamlet rapport l-għassa tar-Rabat, Għawdex, li raġel li ma kienitx taf, wara li offra li jwassalha lura d-dar bil-karozza tiegħu, prova ripetutament imissa, minkejja l-oġġezzjonijiet tagħha. Hija qalet li r-raġel prova jbusa u f’punt minnhom anke prova jdaħħal idu taħt id-dublett tagħha. Dak in-nhar ma kienu nstabu ebda sinjali viżibli ta’ vjolenza esterna fuq l-Ingliża.

Minkejja li t-tfalja ma kienitx taf l-identità tal-agressur, il-Pulizija waslet għal Pasqualino Cefai mid-deskrizzjoni li tat Marie-Christine Dunlop.

Mal-ewwel smiegħ tal-każ, Cefai kien ġie liberat mill-akkużi miġjuba kontrih hekk kif il-Qorti sostniet li kien hemm verżjonijiet differenti bejn li qal Cefai u dak xi rrapportat it-tfajla. Id-deċiżjoni tal-Qorti kienet ittieħdet fuq bażi li l-effett tal-alkoħol seta’ wassal għal deċiżjonijiet b’nuqqas ta’ raġuni.

Wara l-appell li sar mill-Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Appell, ġie deċiż li kienet saret analiżi żbaljata tal-provi.

Il-Qorti tal-Appell qalet li l-verżjoni ta’ Dunlop kienet konsistenti minkejja li kienet xorbot u li sid il-bar kien qal lill-Pulizija li dak il-lejl, meta Cefai mar lura fil-bar qallu li “ma ħallitnix.”

Għaldaqstant il-Qorti kkundannat lil Pasqualino Cefai għal tliet xhur ħabs wara li ġie kkunsidrat li huwa kien approfitta ruħu mis-sitwazzjoni.

More in Qrati u Pulizija