Gaffarena: 'Simon Busuttil ried l-għajnuna tiegħi biex isir attakk fuq John Dalli'

Joe Gaffarena jixhed fil-Qorti u jgħid, li fil-laqgħa Joe Cassar staqsieh, 'ġibthom il-karti ta' John Dalli?'

Gaffarena jixhed illi Simon Busutti, kien ipprova jużah biex jinfetaħ attakk fuq John Dalli
Gaffarena jixhed illi Simon Busutti, kien ipprova jużah biex jinfetaħ attakk fuq John Dalli

Waqt xhieda fil-Qorti, in-negozjant Joe Gaffarena qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ried l-assistenza tiegħu biex isir attakk fuq l-eks Ministru Nazzjonalista John Dalli.

Gaffarena, li nstema' kif kien diżappuntat wara li qal kif il-Partit kien tah il-ġenb wara 35 jagħtih l-appoġġ, kien qed jixhed dalgħodu f'każ ta' libell li kien fetaħ Busuttil kontra l-editur tal-gazzetta l-orizzont Josef Caruana.

It-tifel ta' Joe Gaffarena, Marco kien qallu li kellu jiltaqa' ma' Simon Busuttil, u l-missier sostna kif kien taħt l-impressjoni li l-laqgħa kienet se tkun dwar kwistjoni li kellu rigward l-assigurazzjoni tiegħu fuq is-saħħa.

"Simon qalli, 'ġibthom il-karti?' u jien ħsibt li kien qed jirreferi għall-kartit tal-BUPA tiegħi, imma hu qal 'il-karti fuq John Dalli'." In-negozjant qal li telaq mil-laqgħa f'daqqa wara li n-natura tal-konverżazzjoni kienet iddeterjorat.

It-tifel ta' Joe Gaffarena, Marco, li jinsab fil-qalba tal-iskandlu dwar il-proprjetà fi Triq Zekka, ikkonferma li kien fil-kamra. 

Il-flus kont nagħtihom għall-Partit, Fenech Adami kien onest, imma fi żmien Gonzi u Busuttil, inbidel kollox

L-avukat tal-Partit Nazzjonalista, Peter Fenech issuġġerixxa li d-diskussjoni fil-fatt kienet biss dwar il-pompa tal-petrol u Dalli ma kienx imsemmi. "Cassar semma lil Dalli, ħeqq!" wieġeb ix-xhud, b'referenza għall-eks Ministru Joe Cassar, li wkoll kien preżenti għall-istess laqgħa.

"Imma inti kont 'diżappuntat' bil-gvern Nazzjonalista għax il-MEPA kienet ħarġitlek ordni tal-infurzar," staqsa Fenech. 

Għal dan, Gaffarena żied jgħid, "għamilt 35 sena Nazzjonalist u kont immut għalihom, dawk l-eluf kollha ta' liri għalxejn."

“Għalfejn taqbad mal-familja tiegħi?" qal ix-xhud. "M'għandux familja hu? M'għamilx żbalji?"

Il-Qorti staqsietu għalfejn il-PN kien jistaqsih għall-flus. "Għall-Partit, Fenech Adami kien onest, imma fi żmien Gonzi u Busuttil, inbidel kollox."

Gaffarena kompla jgħid kif kien irrabjat fuq permess, li kien inqabeż b'sular wieħed. Imbagħad, ma weġibx meta ġie mistoqsi biex jikkonferma jekk meta Busuttil qallu dwar il-permess u li kellu jsegwi r-regoli, hu kien qabad u qam biex jitlaq u qalli li kien jaf fejn kellu jmur. "Tliet xhur qabel, kont tajthom €20,000, u Gonzi kien xhud ta' dan."

Meta ġie mistoqsi dwar jekk kienx qed jistenna li jiġi approvat permess illegali tiegħu, hu qal li dan mhu se jkun xejn differenti minn dak li kienu rċevew nies oħrajn.

"Kif kienu taw lil nies oħra...il-Partit Laburista ma tanix il-permess ta' xejn. Jien ħallast €500,000 garanzija fuq il-proprjetà li mhix koperta b'permess." Kompla jgħid li l-parti illegali tal-binja għadha magħluqa sa issa.

Dwar il-każ ta' John Dalli, ix-xhud sostna li l-karti li kien qed jistenna Busuttil, setgħu kienu intenzjonati biex jintużaw kontra John Dalli.

“Mhux il-karti tal-permess tal-pompa tal-petrol," żied jgħid Gaffarena, "il-karti dwar John Dalli. Ma nafx, forsi ried jattakkah. Dalli kien l-akbar għadu tiegħi dak iż-żmien. Jekk hu m'għamel xejn miegħi jew mad-Daewoo, kif jista' jkun ikolli l-karti fuq hekk."

"Allura Joe Cassar qed jigdeb?" staqsa l-avukat Fenech. Għal dan, Gaffarena sosnta li kien Joe Cassar li kien sejjaħ għal dan il-meeting.

Cassar kien semma lil John Dalli, qal ix-xhud, u "meta ltqajt magħhom kienu staqsewni fejn kienu l-karti ta' John Dalli," u ppreċiża li dan il-kliem kien qalu Cassar.

Żied jgħid li l-PN kien għamillu ħafna wegħdi imma 'Gonzi u Simon' ma kinux żammew magħhom. Qal ukoll kif kien ta' €20,000 f'donazzjonijiet lil Lawrence Gonzi u li Joe Saliba kien xhud ta' dan.

Il-każ ikompli jinstema' f'April.

More in Qrati u Pulizija