Sena ħabs għal drogat li ammetta li seraq minn 6 karozzi

Il-Maġistrat jordna lill-awtoritajiet tal-ħabs biex jagħtu lir-raġel 'kull assistenza possibli sabiex jgħeleb id-dipendenza fuq id-drogi u l-problemi psikoloġiċi li għandu

Alan Grima, raġel ta’ 34 sena, bil-vizzju ta’ użu tal-eroina, ammetta fil-Qorti li żgassa u seraq minn 6 karozzi fil-Ħamrun matul il-wekeend li għadda.

Għaldaqstat, il-Qorti tat lir-raġel sentenza ta’ sena ħabs u ordnat lill-awtoritajiet tal-ħabs biex jagħtuh “kull assistenza possibli” sabiex jegħleb id-dipendenza fuq id-drogi u l-problemi psikoloġiċi li għandu.

Tul is-smiegħ fil-Qorti, l-Ispettur Elliot Magri akkuża lil Grima bi tliet reati ta’ serq gravat u tliet każi ta’ attentat ta’ serq, kif ukoll sitt reati ta’ kaġun ta’ ħsara fuq 6 karozzi pparkjati, li ġew żgassati tul il-lejl bejn il-11 u t-12 ta’ Frar. Grima kien ukoll akkużat li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest li kienu ngħatawlu għaxart ijiem biss ilu fuq każ separat.

L-avukat difensur, ammetta t-tort tal-akkużat. Il-Maġistrat Joe Mifsud innota li l-akkużat ilu jieħu d-droga għal dawn l-aħħar 20 sena u li issa rrikorra għas-serq biex isostni l-vizzju tiegħu, wara li tabib kien waqqaflu l-‘methadone’ wara li Grima ma marx għal appuntament.

Il-Qorti għażlet li ma żżidx mal-problemi tar-raġel billi tissekwestralu deposżitu għall-ħelsien, u għaldaqstant tagħtu sentenza ta’ sena ħabs.

Tul is-sena li fiha se jkun il-ħabs, il-Qorti tat istruzzjonijiet sabiex Grima jirċievi l-għajnuna meħtieġa sabiex jgħeleb il-vizzju tad-droga, kif ukoll jieħu trattament ta’ għajnuna għall-problemi psikoloġiċi li għandu.

Il-Maġistrat Mifsud qal lil Grima li “int mhux persuna ħażina, għandek problema bid-drogi u meta taqbeż doża ‘methadone’ tirrikorri għat-tfittxija tal-alternativa illegali tiegħu.”

Il-Maġistrat temm il-messaġġ tiegħu lil akkużat billi qallu li issa se tingħatalu opportunità, wara li ttella’ l-Qorti aktar minn darba. “Ċeru nies imorru għall-aħjar bit-trattament u oħrajn għall-agħar, imma jien qed nipprova ngħinek.”

More in Qrati u Pulizija